Lokali

Abela jċedi quddiem il-fazzjoni faxxista fil-Labour

Neville Gafà lura Kastilja fi rwol simili għal dak li kellu fi żmien Muscat

L-aħbar li Neville Gafà rritorna lura Kastilja f’pożizzjoni simili għal dik li kellu fi ħdan il-Gvern Laburista meta kien Prim Ministru Joseph Muscat – issa taħt Robert Abela – hija xhieda tal-mod kif il-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour qed tkompli tieħu over fi ħdan il-Partit Laburista.

Tikkonferma wkoll – jekk qatt kien hemm il-ħtieġa – kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela qiegħed kulma jmur ikompli jsir kontinwazzjoni tal-Gvern korrott ta’ Joseph Muscat, kaġun ta’ patt imxajtan li rrenda lil Robert Abela pupazz li qed ikollu jċedi quddiem dawk li jiġbdulu l-ispaga.

Din hija t-tieni kariga li ngħata Neville Gafà – li ma jiddejjaq xejn juri kemm hu qrib tal-eks mexxej Laburista Joseph Muscat – fi spazju ta’ xahar wara li ftit ilu l-midja żvelat ukoll kif Gafà tqabbad jagħmel xogħol għall-Partit Laburista f’Għawdex fuq livell ta’ distrett. Aħbar li kienet ikkonfermata mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba.

Matul l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, Neville Gafà kien impjegat bħala person of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja – kariga li tneħħietlu meta Robert Abela sar Prim Ministru f’Jannar 2020.

Jidher, iżda, li issa Abela kellu jċedi għall-pressjoni u skont dak li kien żvelat illum, reġa’ ġie ngaġġat fi rwol ta’ customer care f’Kastilja, din id-darba taħt is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li l-portafoll tiegħu jaqa’ direttament taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jidher ukoll li Gafà ngħata xi forma ta’ uffiċċju anke fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista – kif jixhdu r-reklami li qed itella’ fil-midja soċjali tiegħu biex jippromwovi laqgħat man-nies fil-kwartieri Laburisti.

Bħala difensur ta’ Joseph Muscat u n-nies viċin l-Eks Prim Ministru, bħalma huma l-Eks Chief of Staff Keith Schembri, fl-aħħar xhur Gafà ma ddejjaq xejn jiftaħ attakki fuq Ministri u persuni oħra fil-Labour – ewlieni fosthom Owen Bonnici – dwar dik li sejħilha “porkerija” b’rabta man-nefqiet eżorbitanti għall-Film Festival u l-parties organizzati għall-elitisti. Dwar dan kien tkellem ukoll id-Delegat Speċjali tal-Labour Jason Micallef li wkoll ħareġ jeħodha qatta’ bla ħabel kontra l-ħniżrijiet tal-Ministru Bonnici u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

Filwaqt li t-tħanżir b’rabta ma’ dan l-iskandlu baqa’ għaddej, Abela kien ħareġ għonqu għal Owen Bonnici f’turija ċara ta’ qasma fil-Labour, bil-Prim Ministru jiddefendi lill-Ministru tiegħu kontra l-attakki ta’ Neville Gafà. Jidher li issa, madanakollu, Abela kellu jibla’ kliemu u jaċċetta lura lil Gafà f’Kastilja fl-istess rwol li kellu fi żmien il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Fl-aħħar ġimgħat il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika xejjen għalkollox kampanja maħmuġa li għamel il-Labour permezz tal-fazzjoni faxxista fi ħdanu, instigata minn ilmenti li fetaħ Neville Gafà, kontra numru ta’ Shadow Ministers u Deputati tal-Partit Nazzjonalista li kontrihom saru akkużi infondati li ma kinux jirrappurtaw għax-xogħol.

Il-Kummissarju ma sab xejn fil-konfront tal-ebda wieħed mid-Deputati Nazzjonalista li kontrihom saret din il-kampanja u xejjen l-allegazzjonijiet kollha li saru. Sa issa għadha ma saret l-ebda apoloġija pubblika la minn Neville Gafà u wisq inqas minn Robert Abela fil-konfront ta’ dawn id-deputati.