BirdLife Malta ngħatat il-Premju għall-Kustodja Ambjentali għall-Għaqdiet Volontarji waqt l-ERA Awards 2025, li saru fil-Palazz Verdala taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta.
Il-premju, ippreżentat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jirrikonoxxi l-kontribut sinifikanti u li jħalli impatt ta’ għaqdiet volontarji għall-protezzjoni u t-tisħiħ tal-ambjent Malti.
Il-premju jirrikonoxxi s-suċċess tal-proġett ta’ restawr tas-Salina Wetland, li rrestawra waħda mill-aktar zoni importanti ta’ bwar salmastru f’Malta f’ekosistema rikka. Il-proġett inkluda t-tneħħija ta’ materjal ta’ kostruzzjoni mormi illegalment, il-ħolqien ta’ kanali u għadajjar ta’ ilma salmastru, it-tħawwil ta’ veġetazzjoni indiġena u titjib fl-aċċess pubbliku permezz ta’ faċilitajiet favur in-natura. Dan sar possibbli grazzi għall-appoġġ u lfinanzjament tal-Donors Initiative for Freshwater Ecosystems (DIMFE)
b’investiment ta’ €300,000.
Fil-kumment tagħha, l-ERA faħħret lill-BirdLife Malta għall-mod xjentifiku għal kif sar ir-restawr tal-abitati u l-konservazzjoni tal-bijodiversità. L-Awtorità faħħret ukoll il-mod kif il-proġett mexa mal-objettivi ta’ siti Natura 2000, ta kontribut lejn il-miri ta’ sostenibbiltà ambjentali, u saħħaħ l-involviment tal-komunità permezz ta’ inizjattivi edukattivi, u attivitajiet miftuħa għall-pubbliku.
Meta rċieva l-premju, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana rringrazzja lil DIMFE għall-appoġġ finanzjarju tagħhom, kif ukoll lil ERA u Ambjent Malta għall-għajnuna tagħhom waqt l-implimentazzjoni tal-proġett.
Huwa esprima wkoll ir-rikonoxximent tiegħu lejn il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-Art ta’ BirdLife Malta Mark Gauci u l-Maniġer tar-Riżerva Naturali tas-Salina Manuel Mallia, li flimkien mat-tim tagħhom mexxew ir-restawr tas-sit.
=Sultana rrikonoxxa wkoll ix-xogħol usa’ ta’ ERA fil-protezzjoni tal-ambjent naturali Malti, waqt li nnota li “dan jiffaċċja ħafna sfidi”. Huwa qal li “ir-relazzjoni tagħna mal-ERA hija waħda matura. Aħna nikkritikaw meta hemm bżonn, iżda nikkollaboraw kontinwament u r-riżultati dejjem ikunu sodisfaċenti ħafna.”
Għall-quddiem, huwa żied jgħid li “bħala stat membru tal-UE, issa Malta qed tiffaċċja sfidi ġodda taħt id-direttiva l-ġdida dwar ir-restawr tan-natura. Ir-riżervi naturali tagħna għandhom jespandu, u jinħolqu oħrajn ġodda. Iżda laktar importanti huwa li l-valuri li nħaddnu f’dawn ir-riżervi – fejn dejjem
tingħata prijorità lin-natura – jinfirxu ‘l barra minn dawn il-konfini għall-kultura usa Maltija u l-mod kif ngħixu darba għal dejjem.”
Dan huwa t-tielet proġett ta’ restawr ta’ wetland, fl-istorja ta’ BirdLife Malta. L-NGO irrestawrat ukoll ir-Riżerva Naturali tal-Għadira fil-Mellieħa – li kienet salini tal-melħ abbandunati u llum hija santwarju vibranti għall-għasafar – u rRiżerva Naturali tas-Simar fix-Xemxija, fejn art imħarbta ta’ għadajjar kienet
irrestawrata f’ambjent rikk ta’ qasab, għadajjar u ta’ abitati għall-ħajja selvaġġa.
Il-benefiċċji ekoloġiċi tal-proġett tas-Salina Wetland diġà qed jidhru, bi pjanti indiġeni, ħut u għasafar li reġgħu bdew ibejtu fis-sit. BirdLife Malta hija kburija li rċeviet dan l-unur nazzjonali, li jikkonferma l-impenn tagħha li tipproteġi l-wirt naturali ta’ Malta u tippromwovi l-ħarsien ambjentali għall-benefiċċju
kemm tan-natura kif ukoll tan-nies.