Lokali

Charles Mifsud huwa r-raġel li miet wara li ħa xokk

Charles Mifsud huwa r-raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żebbuġ li tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk u waqa’ f’gandott f’Għajn Tuffieħa.

L-inċident seħħ l-Erbgħa għall-ħabta tan-12.30pm fi Triq il-Palma, f’Għajn Tuffieħa. Mifsud kien qed jaħdem fuq ġibjun ġdid f’din l-istess triq, u l-krejn li kien qiegħed jintuża laqat wajer u katina mqabbda miegħu tagħtu x-xokk.

Ftit tal-ħin wara huwa ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat mejjet.

F’post fuq il-midja soċjali bintu, Mariah Mifsud, sellmet il-memorja tal-għażiż missierha fejn sostniet,” ħallejtni wisq kmieni għażiż. Grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi u mal-familja kollha.Tlifna l-pilastru tal-familja u l-ħajja mingħajrek qatt mhu se tkun l-istess. Għalina int kont kollox u dejjem hekk se tibqa’ missier. Bħalekk qatt u qatt m’aħna se nsibu. Strieħ pa. Inħobbok wisq.”