Lokali

Id-Daily Mail titkellem dwar l-effetti ta’ turiżmu bla pjan

“Il-Maltin dejjem laqgħu lit-turisti u probabbilment se jkomplu jagħmlu hekk. Iżda issa, qed jinħassu l-effetti ta’ turiżmu esaġerat.”

Saħqet dan il gazzetta Britannika, Daily Mail f’artiklu li ppubblikat dwar il-pajjiżi li huma l-aktar f’riskju ta’ turiżmu żejjed, fl-Ewropa u lil hinn. Fl-istess artiklu, fost il-pajjiżi li jinsabu f’dan ir-riskju ssemmew l-Albanija, u anke l-Ġappun.

Il-gazzetta, sostniet li Malta, minkejja li hija gżira ċkejkna, ta’ kull sena jirnexxielha tattira lejha miljuni ta’ turisti, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf. Iżda ħafna qed jiddubitaw dwar il-kwalità ta’ dawn it-turisti – u kemm qed iħallu flus f’pajjiżna.

Dan kollu frott ta’ Gvern li mexxa bla pjan, u mingħajr viżjoni fit-tul għas-settur turistiku.

L-artiklu semma’ kif Malta qed ikollha tħabbat wiċċha ma’ madwar 29,200 turist għal kull mil kwadru – kollha bit-tama li jesploraw l-arkitettura u l-bajjiet tagħna.

Mhux ta’ b’xejn li dan is-sens ta’ iffullar qed jinħass dejjem aktar, sena wara l-oħra.

Dan apparti li ċertu żgħażagħ u turisti oħrajn qed jagħżlu lil Malta sempliċiment biex jixxalaw; u l-pajjiż ma jieħu kważi xejn ħlief ħsara għar-reputazzjoni tal-gżejjer tagħna.