Ambjent Għawdex Lokali

Il-GTA trid Awtorità tal-Ippjanar għal Għawdex

Minkejja li Għawdex qed jibqa’ jżid fil-popolarità fost it-turisti – li huma kruċjali għall-ekonomija Għawdxija – hemm bżonn  li jsir ħafna xogħol sabiex Għawdex jibqa’ distint bħala zona turistika ta’ kwalità.

B’hekk, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex ħarġet b’għadd ta’ proposti għall-Budget 2026. Dawn il-proposti qasmuhom f’5 temi – il-konnettività, it-turiżmu, l-ambjent, il-promozzjoni tad-destinazzjoni u r-riżorsi umani.

Fir-rigward tal-konnettività, l-Assoċjazzjoni semmiet il-bżonn li jissaħħaħ is-servizz tal-fast ferry, kif ukoll li n-Nikolaos jitneħħa. U minfloku jkun hemm vapur elettriku li jkun aċċessibbli għal wheelchairs. Fost proposti oħrajn, huma semmew ukoll il-bżonn ta’ investiment fil-moll tan-nofsinhar.

Il-GTA għamlet għadd ta’ proposti biex jattirattaw aktar persuni fis-setturi tad-diving, u l-agri-turiżmu. Huma pproponew ukoll li t-taxxa applikabli fuq it-teatri, kunċerti, mużewijiet, u esebizzjonijiet għandha titnaqqas minn 18% għal 7%.

Il-proposti tal-Assoċjazzjoni rigward l-ambjent inkludew il-bżonn ta’ Awtorità tal-Ippjanar għal Għawdex, li tinħoloq inċentiva fiskali biex tħeġġeġ ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ proprjetajiet tradizzjonali, fost proposti oħrajn. Bil-GTA titkellem mill-ġdid fuq il-ħtieġa ta’ awtonomija reġjonali.

Sabiex jippromwovu d-destinazzjoni, huma qed jipproponu li l-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni f’Għawdex jingħataw għajnuna finanzjarja u teknika ħalli jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati sostenibbli.

Il-GTA trid li l-ħaddiema barranin jingħataw kors tal-Malti u l-Ingliz, kif ukoll tal-istorja, il-kultura u l-liġijiet tal-Gżejjer Maltin. Huma qed jipproponu wkoll li studenti lokali jingħataw grant talli jagħżlu jaħdmu fil-weekends jew waqt il-vaganzi tagħhom fi stabbilimenti turistiċi f’Għawdex. Huma sostnew ukoll li hemm bżonn isiru korsijiet magħmulin apposta għal bżonnijiet turistiċi.