Lokali Mużika

Il-kunċert mużikali annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina tal-Mellieħa se jsir fl-1 ta’ Settembru

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa se tkun qiegħda żżomm l-appuntament tagħha billi ttella’ l-kunċert annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Kunsill Malti għall-Arti nhar it-Tnejn 1 ta’ Settembru fit-20:30 fil-pjazza tal-parroċċa tal-Mellieħa. Dan il-kunċert kiseb popolarita’ kbira u jkun mistenni minn ħafna.

Dan il-kunċert li se jsir taħt id-direzzjoni tad-direttur mużikali tagħhom, Michael Bonanno u ppreżentat minn Mark Laurence Zammit, se jkun mżewwaq b’diversi tipi ta’ mużika, minn stil klassiku sa dak modern, kantanti, kor u orkestra u diversi protagonisti oħra, fosthom Janvil, Alexia Farrugia u Stephen Scerri fuq il-vjolin. Se jkun hem ukoll żfin mill-Artemocion Dance and Leisure Studio u Pro Touch Dance School. Dan il-programm mużikali għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd f’ambjent sabiħ tal-pjazza tal-Mellieħa li tkun armata bl-armar tal-festa.

Għalhekk, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina qed tistieden lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan il-kunċert ferm imżewwaq bħal dejjem u mingħajr ħlas.

Id-daqq li jsir fil-knisja Arċipretali tal-Mellieħa kemm ta’ lejliet kif ukoll ta’ nhar il-festa huma fir-responsabbilta’ tal-kor u l-orkestra Maria Bambina taħt id-direzzjoni ta’ Michael Bonanno. Il-mużika tal-quddies u l-għasar li jindaqqu fil-festa, se tkin il-kompożizzjoni tal-eks surmast tal-Għaqda Carmel Muscat, filwaqt li t-tliet antifoni li se jżewwqu din il-festa huma ta’ Carmel Muscat, Vincenzo Ciappara u Aronne Sultana.