Wara li ħadulhom il-vot, il-kunsillieri tal-Partit Laburista fil-Qala, Għawdex, immexxija mis-Sindku Paul Buttigieg qed jiġu jaqgħu u jqumu mir-residenti li vvutawlhom u qed jonqsu milli jagħmlu anke l-iktar ħaġa bażika mistennija minnhom – dik li jattendu għal-laqgħat tal-Kunsill kif mitlub mil-liġi.
Minkejja li d-data għal-laqgħa ta’ Awwissu kienet ilha miftiehma, din il-ġimgħa għal xi raġuni la s-Sindku u lanqas iż-żewġ kunsillieri l-oħra Laburisti ma tfaċċaw fil-binja tal-kunsill għal din il-laqgħa, bir-riżultat li kellha tiġi kkanċellata.
Jidher li s-Sindku qed jagħmel minn kollox biex ma jidhirx quddiem ir-residenti li vvutawlu għax jaf li dawn huma mxebbgħin bl-aġir tiegħu u bin-nuqqas ta’ ħidma b’risq il-lokalità.
Huwa evidenti li s-Sindku xejn ma ħa pjaċir bl-ilmenti tar-residenti waqt laqgħat preċedenti l-aktar dwar il-ħmieġ, it-telqa, u l-iskart li qed jitħalla jakkumula fil-Qala u bin-nuqqas ta’ manutenzjoni anke fl-ispazji pubbliċi.
Fi stqarrija l-Minority Leader u Kunsillier tal-PN fil-Qala Karl Buttigieg flimkien mal-Kunsilliera tal-PN fil-Qala Valerie Cassar Mejlak, qalu li jikkundannaw bla riżervi l-irresponsabbiltà tas-Sindku kif ukoll dik taż-żewġ kunsillieri l-oħra tal-Partit Laburista li ppreferew ibaxxu rashom għal dak li qallhom is-Sindku milli jservu lir-residenti li fdawhom bit-tmexxija tal-lokalità.
Mhux xi sigriet li anke l-kunsillieri tal-Labour mhumiex kuntenti bit-tmexxija ta’ Paul Buttigieg u mhux l-ewwel darba li tkellmu dwar dan anke fil-pubbliku.
Imma minflok ma poġġew l-interessi tal-Qalin l-ewwel, huma wkoll għażlu li jabdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom. Fil-laqgħa li kellha ssir nhar it-Tlieta, kellu jkun diskuss fost l-oħrajn l-iskart kif ukoll l-użu tal-vann il-ġdid għall-komunità li nkiseb bis-saħħa tal-ħidma tal-kunsillieri Nazzjonalisti u li b’pika tħalla wieqaf ipparkjat.
Huwa ta’ tħassib ukoll li la s-Sindku u lanqas il-Viċi Sindku ma attendew għal-laqgħa li saret għas-Sindki tar-Reġjun. Anke hawn joħroġ evidenti d-diżinteress tal-kunsillieri Laburisti lejn il-lokalità u wisq iktar lejn ir-residenti.
Kien biss wara li l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li jirrappreżentaw lill-Qalin tkellmu fuq il-mdka dwar dan l-aġir li ssejħet laqgħa oħra għal din il-ġimgħa.
Huwa faċli li twiegħed ħafna affarijiet, imma r-residenti iqisu fuq l-azzjoni u mhux fuq il-kliem. L-aġir tal-kunsillieri Laburista fil-konfront tal-Qalin jitkellem waħdu.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’din il-lokalità se jkomplu jaħdmu bla heda biex minkejja li qed jonqos ħaddieħor, ma jbatux ir-residenti.
//= $special ?>