Lokali

Il-Ministri Laburisti jibqgħu jiddefendu l-job ta’ Chris Cardona fil-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-Ministri Laburisti qed jibqgħu jiddefendu l-job ta’ 37,000 ewro fis-sena għal 10 siegħat xogħol fil-ġimgħa li ingħata l-eks Ministru Laburista Chris Cardona.

Dan hekk kif ġie żvelat li l-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, l-istess Ministru li kellu jirreżenja wara l-kriżi politika li ħakmet l-Gvern ta’ Joseph Muscat lura fl-2019, ingħata job ta’ kunsulenza mal-Ministeru għall-Edukazzjoni – liema job ingħatalu fuq insistenza tas-Segretarju Parlamentari Kieth Azzopardi Tanti.

Net News staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni dwar dan il-kuntratt fi ħdan il-Ministeru tiegħu u għaliex minn tant nies ġie magħżul Chris Cardona. Bil-Ministru jikkonferma li għalkemm ma kienx hu li ingaġġa lil Cardona, xorta waħda jemmen li l-ex Deputat Mexxej tal-Labour għandu “esperjenza”.

Intant meta mistoqsi kienx avżat b’din id-deċiżjoni, il-Ministru Grima evita għal kollox milli jwieġeb id-domandi tagħna. U skomdu għall-aħħar, saħaq li mhux ħa joqod jilgħab u jippunta s-swaba – b’referenza għas-Segretarju Parlamentari ta’ taħtu.

Dak li seħħ juri kif il-faxxa estremista tal-eks Prim Minsitru Joseph Muscat ħatfet mhux biss il-kontroll tal-Kwartieri Laburisti, iżda wkoll it-tmexxija tal-pajjiż. Bil-Ministri spiċċaw litteralment ostaġġi tad-deċiżjonijiet li jieħdu Muscat u Neville Gafa fost l-oħrajn. U b’Abela, anke jekk ma nkludix lil Cardona fil-kabinett tiegħu lura fl-2020, issa spiċċa kostrett ibaxxi rasu.

Dan l-istazzjon ħa wkoll il-kummenti tal-Ministru Michael Falzon illi bil-mod tipiku tiegħu wera li jaqbel mal-kuntratt ta’ Cardona. Filwaqt li infexx f’attakki fuq il-PN.

Chris Cardona kien ġie implikat mill-Koħħu taħt ġurament fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia –  dan apparti kritika minħabba r-relazzjoni mill-qrib ma’ Yorgen Fenech.

Apparti minn hekk, tqajmu dubji kbar dwar l-esperjenza  neċessarja ta’ Cardona fl-edukazzjoni u jekk l-eks Ministru tal-Labour ingħatax dan il-job biss għal skopijiet politiċi sabiex ikun il-bastun tas-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.