Lokali Qorti

Jammetti li seraq tliet muturi u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 57 sena minn Bormla, Christopher Zammit, wieġeb ħati għall-akkużi li seraq tliet muturi tal-għamla KYMCO Agility — f’tal-Pietà u f’Ħaż-Żabbar — kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’każ preċedenti.

Zammit, li għandu problema tad-droga, li ma jaħdimx u magħruf mal-awtoritajiet għal diversi kundanni preċedenti, tressaq il-Qorti l-Ħamis fejn ġie akkużat bis-serq ta’ dawn il-muturi bejn l-20 u l-21 ta’ Awwissu, kull wieħed stmat għal madwar €2,300.

Il-Qorti semgħet kif l-ewwel vittma rrappurtat li l-mutur tiegħu nstab nieqes minn Ħaż-Żabbar fl-20 ta’ Awwissu. L-għada, waqt li kien għaddej bil-karozza minn Bormla, il-vittma lemaħ il-mutur tiegħu pparkjat u għamel kuntatt mal-Pulizija.

Waqt l-intervent, l-investigaturi sabu mhux wieħed, iżda tliet muturi suspettati li kienu misruqa — u li iktar tard ġew kkonfermati bħala proprjetà ta’ persuni oħra, bit-tnejn l-oħra kienu rrapportawhom nieqsa minn tal-Pietà.

Fil-provi ppreżentati, irriżulta wkoll filmat tas-CCTV minn Żabbar li juri lil Zammit jieħu wieħed mill-muturi, liebes bl-istess ħwejjeġ li wara ġew irkuprati mill-Pulizija. Wieħed mill-muturi nstab b’karta tal-kreditu ġewwa, li ġiet allegatament ġiet użata f’ħanut l-għada filgħodu — iżda dan ma setax jiġi kkonfermat peress li l-ħanut ma kellux kamera tas-sigurtà.

Zammit, li ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih, qal lill-Qorti li ilu jsofri minn vizzju tad-droga u li xtaq jidħol f’programm ta’ rijabilitazzjoni. Deher konfuż waqt is-seduta u talab l-għajnuna legali żejda.

Id-difiża talbet li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza, talba li ġiet milqugħa mill-Qorti. Intant, Zammit baqa’ miżmum taħt arrest preventiv sas-sentenza li mistennija tingħata fis-6 ta’ Ottubru.

L-Avukat Miryea Mifsud, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna Briffa u Sarah Kathleen Zerafa, mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Axel Camilleri deher għal Zammit, filwaqt li l-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet il-każ.