Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest raġel akkużat bi traffikar ta’ persuni

Damiano Nicastro, ċittadin Taljan li jgħix iż-Żurrieq, ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti Kriminali wara li kien ilu iżjed minn tliet xhur miżmum taħt arrest preventiv fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ nisa għall-isfruttament sesswali.

Nicastro qed jiġi akkużat li traffika tliet nisa Kolombjani u li juża vjolenza u esplojtazzjoni biex iġegħilhom jaħdmu bħala prostituti— akkużi li hu qed jiċħad. Huwa kien ġie mixli fid-19 ta’ Mejju u l-Qorti tal-Maġistrati kienet diġà ċaħdet diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi.

Madankollu, aktar kmieni dan ix-xahar, l-akkużat ressaq applikazzjoni ġdida għall-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti Kriminali, fejn insista li hu għadu jitqies bħala persuna innoċenti sakemm jinstab ħati, u li l-fatt li l-każ huwa serju ma jistax ikun il-bażi waħdanija biex jibqa’ detenut.

Id-difiża argumentat li l-allegati vittmi kienu diġà xehdu fil-proċeduri, u għalhekk ma kienx hemm aktar riskju ta’ tfixkil fil-provi. Barra minn hekk, ġie ppreżentat li Nicastro għandu rabtiet qawwija ma’ Malta – it-tfal tiegħu jattendu l-iskola f’dawn il-Gżejjer u martu kkonfermat li l-familja tgħix f’Malta.

Missier l-akkużat stqarr li hu jaħdem Malta għal rasu, jqiegħed il-mamdum u li l-ibnu jista’ jingħaqad miegħu fix-xogħol jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, billi sostna li l-akkużi huma ta’ natura serja, u li għad hemm riskju reali li l-akkużat jista’ jfixkel l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Qal ukoll li minkejja li diversi xhieda diġà xehdu, Nicastro għandu rabtiet iktar b’saħħithom ma’ pajjiżu l-Italja milli ma’ Malta. Il-Qorti osservat li l-akkużat ilu xhur mixli u li l-vittmi, kif ukoll il-pulizija u esperti, diġà taw ix-xhieda tagħhom.

Filwaqt li nnotat li għad fadal ċivili li jistgħu jixhdu, qalet li dan ma kienx biżżejjed biex tiċħad il-ħelsien mill-arrest, dment li jiġu imposti kundizzjonijiet stretti. Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, approvat it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet “serji u stretti”, u wissiet lill-akkużat li jiffaċċja “konsegwenzi gravi” jekk jiksirhom.

Nicastro ġie meħlus fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Ġie impost fuqu curfew u l-obbligu li jiffirma f’Għassa tal-Pulizija kuljum.

L-akkuża ġiet ippreżentata mill-Avukat Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru għall-allegati vittmi.