NEPTUNES BEST GYMS………….. 12
SAN ĠILJAN MAA DAIKIN…….. 12
(5-5), (2-1), (2-3), (3-3)
(San Ġiljan rebħu 4-3 bl-għoti tal-penalties)
San Ġiljan MAA Daikin irritornaw fuq it-tron tal-waterpolo lokali. Fit-tieni finali minn possibbiltà ta’ tlieta, reġgħu għelbu lil Neptunes Best Gyms bl-għoti tal-penalties quddiem folla numeruża. Din hi l-14-il darba li San Ġiljan rebħu l-kampjonat u fisser ukoll li kisbu d-doppjetta wara r-rebħ tan-knock-out aktar kmieni dan ix-xahar ukoll għas-spejjeż ta’ Neptunes. Din is-sena huma rebħu wkoll il-Kampjonat tax-Xitwa.
Il-konfront kien simili għal dak tat-Tlieta. Iż-żewġ timijiet taw spettaklu ta’ logħob u kienet ħasra li xi ħadd kellu joħroġ fuq in-naħa telliefa. Diżappunt għal Neptunes li ma tilfux iż-żewġ logħbiet fil-ħin regolamentari iżda kellhom ibaxxu rashom fl-għoti tal-penalties.
San Ġiljan kellhom bidu mill-aqwa b’erba’ gowls immedjati fl-ewwel parti tal-ewwel sessjoni. Id-doppjetta ta’ Darren Zammit u l-gowls ta’ Aaron Younger u Ben Plumpton wasslu biex il-kowċ ta’ Neptunes Aleksander Ciric sejjaħ time-out. Din il-waqfa donnha għenet lil Neptunes hekk kif irkupraw l-iżvantaġġ b’minuta għal tmiem is-sessjoni. Plumpton reġa’ skorja iżda Stevie Camilleri wieġeb immedjatament.
Għall-ewwel darba fil-logħba, Neptunes marru fil-vantaġġ b’doppjetta ta’ Sam Gialanze li biha ħadu ftit kontroll fuq l-andament tal-logħba. Neptunes kien għad kellhom il-vantaġġ sal-aħħar mumenti tat-tielet sessjoni iżda reġa’ kien Darren Zammit li għamel l-iskor 9-9.
Ir-riżultat seta’ jmur kull naħa fl-aħħar sessjoni. It-tensjoni bdiet tiżdied u l-iċken żball seta’ kien determinanti. Matthias Azzopardi skorja ġmiel ta’ backhand u ta vantaġġ minimu lil Neptunes, vantaġġ li ma tantx dam għaliex l-Awstraljan Aaron Younger wera l-kwalitajiet tiegħu u skorja darbtejn fi ftit ħin.
Sam Gialanze ġab id-draw momentarju, Jake Bonavia ħalla lil San Ġiljan minn fuq iżda reġa’ kien Gialanze li bir-raba’ gowl personali għamilhom 12-12. Kien għad jonqos madwar żewġ minuti. Iż-żewġ timijiet fittxew il-gowl tar-rebħa, iż-żewġ kowċis sejħu time-out it-tnejn fl-aħħar minuta iżda l-ebda tim ma sab il-gowl rebbieħ biex għat-tieni darba fi spazju ta’ tlett ijiem, il-konfront kellu jkun deċiż bl-għoti tal-penalties.
Iż-żewġ timijiet skorjaw l-ewwel tliet penalties tagħhom. Stevie Camilleri, Gergo Zalanki u Sam Gialanze skorjaw għal Neptunes u Nikolai Zammit, Jeremy Abela u Aaron Younger skorjaw għal San Ġiljan.
Il-penalty ta’ Julian Valletta spiċċa barra u Matthew Zammit poġġa lil San Ġiljan fil-vantaġġ. Kien Jake Tanti li salva l-penalty ta’ Alec Fenech u ta r-rebħa lil San Ġiljan fost il-ferħ tal-partitarji. Il-kulminu taċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq meta għas-sitt darba, il-captain Matthew Zammit għolla t-trofew tal-kampjonat.
Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (4), G. Zalanki (1), L. Mallia, J. Camilleri (1), J. Valletta, S. Camilleri (3), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada, A. Fenech, M. Azzopardi (3), M. Rossi, E. Mallia
San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (3), M. Zammit, J. Bonavia (1), B. Plumpton (3), J. Abela (1), N. Zammit (1), D. Zammit (3), N. Schiavone, Z. Attard, G. Bonavia
Referees: Andrej Franulovic, Massimo Angileri
//= $special ?>