L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qed issejjaħ għal dibattitu nazzjonali dwar l-abbuż ta’ sustanzi u l-impatt tiegħu fuq il-postijiet tax-xogħol. Min iħaddem dejjem aktar qed jitħalla jaffaċċja waħdu din il-problema dejjem tikber, minkejja li r-responsabbiltajiet legali tagħhom fuq is-saħħa u s-sigurtà qegħdin dejjem jiżdiedu.
Grupp favur il-kannabis reċentement saħaq fuq tħassib li t-testijiet każwali tas-sustanzi fit-toroq jistgħu jaffettwaw aktar minn 60,000 utent, u innotaw li “preżenza ta’ droga fil-bżieq ma tfissirx nuqqas ta’ kapaċità, hekk kif il-kannabis tista’ tibqa’ fil-ġisem għal sigħat mingħajr ma tfisser periklu neċessarju.
Talbiet simili qed iqajmu tħassib fuq diversi fronti. Minbarra s-sigurtà fit-toroq, l-abbuż ta’ sustanzi hija problema enormi fuq il-postijiet tax-xogħol. Anki użu fil-ħajja privata jista’ jinxtered u jaffettwa lill-kollegi, lill-mistednin u lill-komunità. L-MHRA qed tenfasizza li l-edukazzjoni hija essenzjali iżda mhijiex biżżejjed, hekk kif l-awtoritajiet iridu jipprovdu appoġġ u għodda biex min iħaddem ikun jista’ jipproteġi lil kulħadd, skont ir-responsabbiltajiet tagħhom.
L-MHRA enfasizzat ukoll li l-impjegati huma l-pedament tal-industrija tat-turiżmu, tal-ospitalità u tal-ivvjaġġar, u li filwaqt li l-maġġoranza huma responsabbli, l-abbuż ta’ sustanzi minn ftit jista’ jxekkel il-produttività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz, b’effetti li jinxterdu fuq il-postijiet tax-xogħol u l-komunità kollha.
Postijiet tax-xogħol siguri, esperjenzi turistiċi ta’ kwalità għolja u benesseri tal-komunità huma essenzjali għal tkabbir sostenibbli, u l-partijiet kollha interessati jridu jaġixxu.
//= $special ?>