Il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ikkundannat l-aħħar attakk indiskriminattiv tal-qawwiet Russi fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna… Attakk li fih inqatlu madwar 20 ċivili, erba’ minnhom tfal, u li ħalla wkoll numru sinifikanti ta’ midruba.
L-attakk, matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, kien l-akbar wieħed fuq Kiev minn Lulju, bil-missili anki jikkaġunaw il-ħsarat lill-Uffiċċju għad-delegazzjoni tal-UE fil-kapitali Ukrena.
Il-missili u d-drones tar-Russi sadanittant qerdu bini residenzjali ta’ ħames sulari – bil-bini tal-British Council fi Kiev ukoll iġġarrab il-ħsarat.
Il-Mexxejja rispettivi tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sigħat ukoll ħarġu stqarrijiet ta’ kundanna għall-attakk li deher mija-fil-mija dirett għall-qalba ta’ Kiev fejn qed jgħixu l-eluf tal-familji.
Sadanittant, von der Leyen, permezz ta’ stqarrija, enfasizzat li l-missili tar-Russi laqtu l-inħawi ‘wisq viċin’ tal-Missjoni diplomatika ewlenija tal-UE – bi tnejn mill-missili jaslu sa 50 metru biss ‘il bogħod mill-bini partikulari.
L-attakk kontinwu tar-Russi fuq Kiev segwa l-kampanja diplomatika intensiva tal-Istati Uniti biex twassal għat-tmiem tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022.
Intant, ir-Russja ma tidhirx lesta biex tieħu l-inizjatativi lejn il-konklużjoni tal-konflitt u dan l-atteġġjament qed jurta bil-kbir lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll lir-Renju Unit,
Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, fil-fatt, akkuża lill-President Russu, Vladimir Putin, dwar ‘politika ta’ sabutaġġ kontra l-isforzi għall-paċi’.
Min-naħa tagħha, Kaja Kallas, li hi responsabbli mill-Politika Barranija tal-UE, qalet li l-offensiva tar-Russi fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna huma ‘parti minn strateġija maħsubha biex teskala l-konflitt filwaqt li tirredikola l-impenji għall-paċi’.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, sadanittant, qal li ‘ir-Russja qed tkompli tagħżel il-missili ballistiċi aktar milli l-impenji diplomatiċi,’ filwaqt li insista mill-ġdid biex l-Unjoni Ewropea u l-Punent jiffissaw is-sanzjonijiet ġodda għal Vladimir Putin u l-Kremlin.
U għalkemm mhux impossibbli li l-Ukrajna u r-Russja, ‘il quddiem, ikomplu bin-negozjati, Ursula von der Leyen qalet li l-assedju fuq Kiev ‘kompla jfakkar li Putin u l-Kremlin mhumiex se jżommu lura fl-isforzi biex jitterrorizzaw lill-Ukreni – bil-konsegwenza li, kuljum, qegħdin imutu l-irġiel, in-nisa u t-tfal innoċenti’.
Sadanittant, il-fatt li l-Missjoni tal-UE fi Kiev, effettivament, spiċċat direttament f’zona ta’ gwerra hu wkoll fattur inkwetanti ħafna għall-futur.
Il-kelliema għall-Unjoni għamluha ċara li l-ebda missjoni diplomatika mgħandha tispiċċa mira għal attakk militari waqt li, fi Brussell, issejjaħ iċ-charge d’affaires tar-Russja biex jispjega l-aġir ta’ pajjiżu.
Fl-istess ħin, Andrey Kelin, l-Ambaxxatur Russu għar-Renju Unit, issejjaħ fil-Foreign Office ta’ Londra biex iwieġeb għall-mistoqsijiet relevanti għall-aħħar straġi fi Kiev.
Fl-aħħar sigħat, intant, l-iskwadri għall-emerġenzi fi Kiev kienu qed ifittxu għall-persuni nieqsa b’kaġun tal-attakk kbir fuq il-kapitali – bil-poplu qed iħejji għal aktar minn dawn l-azzjonijiet fi żmien meta l-ebda Ukren ma għadu jittama fi tmiem ta’ malajr għall-gwerra.
U fl-aħħar żviluppi tal-gwera, il-qawwiet armati tal-Ukrajna, mill-ġdid, laqtu raffinerija taż-żejt fir-reġjun ta’ Krasnodar, lejn in-naħa t’isfel tar-Russja, Min-naħa tagħhom, ir-Russi qalu li interċettaw aktar minn 100 drone li l-Ukreni kienu sparaw lejn pajjiżhom matul il-lejl tal-Erbgħa.
//= $special ?>