Lokali Qorti

Mixli li stupra lil martu quddiem binhom iż-żgħir

Ritratt mill-Arkivji

Raġel ta’ 45 sena mill-Pakistan li jgħix iż-Żurrieq wieġeb mhux ħati għall-akkużi li stupra lil martu quddiem binhom iż-żgħir u heddidha bil-mewt, u li joqtol ukoll lil ommha u ħuha. Ir-raġel tressaq il-Qorti l-Ħamis mixli b’diversi reati serji relatati ma’ vjolenza domestika u abbuż sesswali.

L-akkużi jinkludu li stupra lil martu fil-preżenza ta’ minuri, li kkommetta atti sesswali mingħajr kunsens, li ħebb għaliha verbalment u fiżikament, li insulenta u heddidha b’mod serju.

Il-każ ġie espost fil-Qorti mill-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon, li spjega kif fl-26 ta’ Awwissu, il-vittma allegata marret għand it-Taqsima ta’ Vjolenza Domestika f’Santa Lucia għall-ħabta ta’ l-1:24 p.m., fejn irrappurtat l-imġiba ta’ żewġha.

Il-koppja għandhom żewġt itfal, wieħed ta’ sena u l-ieħor ta’ seba’ snin. F’waħda mill-okkazzjonijiet imsemmija, fl-20 ta’ Awwissu, l-akkużat kien ħareġ biex jixtri kejk għall-birthday ta’ binthom. Meta dam biex irritorna lura d-dar, martu staqsiet għaliex dam daqshekk. Hija allegat li huwa qabadha minn għonqha b’mod aggressiv.

F’każ separat, il-mara qalet li waqt argument bejnithom, wara li omm ir-raġel akkużatha li serqet ġojjelli mid-dar tagħha fl-aħħar żjara tagħhom fil-Pakistan, żewġha talabha tgħid il-verità. Meta hija ċaħdet l-akkużi, huwa allegat li qalilha: “Jekk ma tgħidilix il-verità, noqtlok lilek, lil ħuk u lil ommok.” Il-familjari tal-mara jgħixu kollha fil-Pakistan.

Il-mara għaddiet minn assessment ta’ periklu li mmarka 24 punt, klassifikazzjoni ta’ periklu estrem. Matul dan l-assessment, hija żvelat li jgħixu fi kamra waħda u li t-tfal jorqdu magħhom fl-istess spazju. Żiedet tgħid li kien hemm drabi fejn żewġha sfurzaha sesswalment u stupraha fil-preżenza ta’ binhom.

Meta nżamm minnufih mill-Pulizija u ngħata trattament mediku fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Floriana, ir-raġel kellu biss feriti ħfief fuq ir-riġel. Hu ċaħad li qatt kkommetta stupru fil-konfront ta’ martu.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco. Waqt il-proċeduri, l-avukata tal-għajnuna legali Sarah Vassallo Ciliberti, li kienet qed tiddefendi lill-akkużat, talbet għall-ħelsien mill-arrest. Hija sostniet li l-akkużat għandu jitqies innocenti sakemm ma jiġix misjub ħati u saħqet li l-klijent tagħha kien lest jipprovdi indirizz alternattiv fejn jgħix jekk jingħata l-ħelsien.

Barra minn hekk, il-mara allegata vittma ma taħdimx, u huwa l-akkużat li jżomm il-familja finanzjarjament permezz tax-xogħol tiegħu bħala ‘check-in agent’. Madankollu, l-Avukat Jennifer Polidano, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qed tmexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u assistita mill-Ispettur Colin Sheldon, oġġezzjonat għat-talba tal-bail, billi saħqet li l-vittma għadha ma xehditx fil-Qorti u għalhekk kien hemm lok ta’ tħassib dwar influwenza fuq ix-xhieda jew riskju għall-vittma.

Il-Qorti, wara li semgħet l-argumenti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum arrestat. Barra minn hekk, ġiet maħruġa ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma sabiex tiġi garantita s-sigurtà tagħha u tat-tfal.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Jennifer Polidano f’isem l-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon. L-akkużat qed jiġi assistit mill-avukata tal-għajnuna legali Sarah Vassallo Ciliberti.