Opinjoni

OPINJONI: Il-konfużjoni ta’ Pariġi

Ħasra li dak li qed jiġri fil-Palazz ta’ Elysee huwa sors ta’ tħassib minflok sors ta’ direzzjoni

minn Angelo Micallef

Hu mingħajr ebda dubju ta’ xejn stat ta’ fatt li Franza tokkupa rwol ċentrali ħafna fl-istorja, fil-preżent u fil-futur tal-kontinent Ewropew. Jekk wieħed jara l-istorja tal-Ewropa spiss wieħed isib li f’nofs l-aktar avvenimenti importanti b’xi mod hemm Franza jew l-influwenza Franċiża.

Din l-importanza ta’ Franza naturalment għandha bosta għeruq storiċi. L-ewwel nies Franza tinstab litteralment ġeografikament fil-qalba tal-Ewropa bi fruntiera li testendi minn Spanja fejn bla dubju ta’ xejn hija ferm viventi il-kultura Mediterranja, għal fruntiera mal-Ġermanja fejn allura wieħed isib kultura marbuta aktar mal-Ewropa ċentrali u fruntiera ta’ baħar mar-Renju Unit. It-tieni nies Franza storikament kienet imperu ta’ saħħa notevoli tant li l-lingwa Franċiża hija waħda mifruxa fuq livell globali.

Huwa għalhekk ovvju li meta twieldet l-Unjoni Ewropea bħala l-komunità tal-faħam u l-azzar Franza kienet ċentrali fil-proġett. Hekk għadha sal-lum; pajjiż li għandu influwenza qawwija ħafna fuq dak li jiġri fl-Unjoni Ewropea.

Kriżi politika li ma tridx tintemm

Huwa għalhekk ta’ għajb u tħassib li bħal donnu mill-ġdid Franza se terġa’ tidħol fi kriżi politika li ma tridx tintemm. Il-Prim Ministru Franċiz Francois Bayrou jidher li se jispiċċa jitlef postu u dan billi jitlef vot ta’ fiduċja bħalma tilef il-Prim Ministru ta’ qablu Michel Barnier li sad fil-post biss tliet xhur.

Din il-kriżi ta’ tmexxija fi Franza hija frott id-deċiżjoni tal-President Macron li qabad u sejjaħ elezzjoni sorpriża liema elezzjoni wasslet għal parlament fejn huwa impossibli li jkun maġġoranza ċara u fejn il-Gvern qiegħed jispiċċa ostaġġ tal-lemin estrem u tax-xellug estrem.

Il-President Macron mhuwiex wieħed milli joqgħod lura biex jippoppa sidru u jipprova jilgħabha bħala xi mexxej globali li Allaħares ma jkunx hu għall-kontinent Ewropew. Imma lil hinn mix-xenneġati ta’ Macron, dan qajla għandu kontroll fuq is-sitwazzjoni domestika ta’ pajjiżu stess.

Kriżi politika li bla dubju ta’ xejn se tħalli impatt negattiv fuq waħda mill-aktar ekonomiji importanti fl-Unjoni Ewropea u li allura timpatta b’mod dirett lill-Unjoni Ewropea. In-nuqqas ta’ tmexxija fi Franza issa ilu żmien jinħass bil-pajjiż ilu snin jonfoq ferm aktar milli jiflaħ, b’deficit u dejn dejjem jispara ’l fuq. Din it-traskuraġni kbira issa wasslet biex Franza qed ikollha tikontempla miżuri ta’ awsterità li jolqtu fil-laħam il-ħaj. Miżuri li bi Gvern dgħajjef kif hemm bħalissa taħt il-Presidenza Macron huwa impossibbli.

Fiex qed iwassal dan ix-xenarju

Dan ix-xenarju xejn sabiħ qiegħed ukoll jagħmilha politikament faċli għax-xellug estrem ta’ Jean-Luc Melenchon u l-lemin estrem ta’ Marine Le Pen sabiex ikomplu jiksbu aktar suċċess politiku.

Melenchon u l-partit tiegħu li kieku jistgħu jieħdu lil Franza f’direzzjoni ta’ soċjaliżmu klassiku; soċjaliżmu li rajnih ifalli darba wara l-oħra. Min-naħa l-oħra hemm Le Pen bil-politika leminija tagħha; politika li tmur kontra kull valur tal-Unjoni Ewropea u saħansitra torjenta lil Franza lejn ir-Russja ta’ Putin. Politika li temmen fil-bibien magħluqa u fil-kunċett ta’ pajjiż fortifikazzjoni. Anke jekk Le Pen se tkun projbita milli tokkupa l-kariga ta’ President minħabba deċiżjoni tal-Qorti, it-theddida li joffri l-partit tagħha tibqa’ waħda reali ħafna.

Fis-sena 2027 Franza jkollha elezzjoni Presidenzjali. It-tieni u l-aħħar terminu ta’ Macron b’hekk jasal fi tmiemu. Imma l-2027 mhuwiex eżattament fil-qrib. Franza u l-Ewropa ma jistgħux jibqgħu jissaportu kriżi f’oħra sas-sena 2027 sempliċiment għaliex Macron darba wara l-oħra qed jagħmel deċiżjonijiet żbaljati.

L-Awstrijak Klemens von Metternich darba stqarr li, “Meta Franza tagħtas, l-Ewropa jaqbadha riħ.” Bir-rata li mexjin l-affarijiet fi Franza s-sogru huwa li l-Ewropa mhux riħ ħa jispiċċa jaqbadha imma bronchite sħiħ!

Tassew ħasra meta tmexxija dgħajfa twassal sabiex pajjiż mimli potenzjal bħal Franza minflok ikun sors ta’ saħħa jkun ankra ma’ għonq l-Ewropa.

Ħasra li dak li qed jiġri fil-Palazz ta’ Elysee huwa sors ta’ tħassib minflok sors ta’ direzzjoni.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 28 ta’ Awwissu, 2025.