Mark A. Sammut Sassi
Il-Ġimgħa li għadda kont mistieden fil-programm eċċellenti ta’ Dione Borg, Opinjoni, flimkien ma’ George Vital Zammit u Ivan Grixti. Waħda mill-mistoqsijiet ta’ Dione kienet x’naħseb li se jkunu l-punti li fuqhom se jiddeċiedi l-elettorat fl-elezzjoni li jmiss. Weġibtu li se nillimitahom għal ħamsa – għalhekk pentapunt, ħames punti, għax “penta” tfisser “ħamsa”.
Illum se nikteb dwar il-pentapunt.
L-ewwel: Il-popolazzjoni
Fis-sew, il-problema tal-popolazzjoni tikber bla rażan hi l-għerq ta’ tista’ tgħid il-problemi l-oħrajn kollha.
Din hi problema kumplikata, mhux biss għax il-popolazzjoni qed tikber b’mod irraġonevoli imma għax qed tikber b’taħlit kulturali kbir u b’nies ġejjin u sejrin in kontinwazzjoni.
Din froġa kbira li bdieha Muscat u kompliha Abela. Froġa tal-għaġeb magħmula minn ħafna bajdiet mifsuqin f’salt.
L-ewwel nett, għandek in-numri kulma jikbru tal-immigranti. Issa għandna sitt ibliet jew lokalitajiet fejn fil-popolazzjoni hemm aktar barranin milli Maltin. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma bħalissa, se jikber il-għadd ta’ bliet u lokalitajiet fejn din se tkun ir-realtà l-ġdida.
It-tieni nett, dal-immigranti mhumiex qed jiġu bit-tir li jibqgħu Malta u jfanndu għeruqhom hawn. Ħafna minn dal-immigranti jiġu għal sentejn, tlieta u mbagħad jitilqu. B’dal-mod ma jintegraw qatt, u qatt ma jsiru parti mill-komunitajiet lokali.
It-tielet nett, ħadd ma pprepara lill-Maltin għall-implikazzjonijiet li tgħix f’soċjetà b’bosta kulturi. Agħar minn hekk, meta dal-kulturi ma jkunux tal-istess livell ta’ mġiba. Barra minn hekk, se sseħħ ukoll bidla fil-kostituzzjoni ġenetika ta’ ġensna, mingħajr ħadd ma talab l-opinjoni tagħna. It-taħlit ġenetiku jwassal għal kunsiderazzjoni anki ta’ natura medika, għax ċerti ġnus huma suxxettibbli għal ċerti mardiet aktar minn ġnus oħrajn.
Ir-raba’ nett, hemm il-problemi kbar marbutin maż-żamma tal-ordni, li qed ipoġġu piż kbir fuq il-korp tal-pulizija. Li għandu problemi ġo problemi: mhux biss il-piż tad-dmirijiet ġodda imma wkoll – f’fehmti – salarji baxxi.
Il-ħames nett, hemm il-pressjonijiet enormi tat-tkabbir fil-popolazzjoni fuq ir-riżorsi tal-pajjiż – kif se naraw fil-punti li ġejjin.
It-tieni: L-ambjent
Il-kostruzzjoni bl-addoċċ. Il-qirda tal-pajsaġġi sbieħ ta’ toroq b’linji ta’ djar li posthom qed jittieħed minn blokok ta’ appartamenti bla ruħ. L-iżvilupp insensat fiz-zoni li suppost huma barra mill-iżvilupp. Dan kollu qed jeqred l-ambjent ta’ pajjiżna.
Ħafna minn dil-qirda ġejja mill-ħtieġa ta’ aktar residenzi għall-barranin li qed jiġu hawn jaħdmu bħala cheap labour. L-influss tal-barranin ma jfissirx biss mewġa ta’ baħar li tidħol u toħroġ u kemmkemm ixxarrab iċ-ċagħaq tax-xtajta. L-influss tal-barranin qed ifisser litteralment il-konkretizzazzjoni tal-mewġa, bil-konkrit u l-konkos u l-briks li mhux lakemm tħotthom u ġġarrafhom ladarba jkunu nbnew.
Iżda l-art u l-ġmiel arkitettoniku huma riżorsa limitata. L-iżvilupp esaġerat qed jeqred l-ambjent b’mod li ma hemmx mod kif terġa’ lura. Flok ma jittanta jsolvi dil-problema kif imiss, il-Gvern qiegħed ibaxxi rasu aktar għar-rieda tal-iżviluppaturi bla kuxjenza, li għall-profitt personali qed jeqirdu l-ġid komuni. Bil-barka tal-Gvern.
It-tielet: L-edukazzjoni
It-tkabbir fil-popolazzjoni qed iġib tgerfix fl-edukazzjoni. Nibdew biex, f’ċerti skejjel l-għalliema ma jistgħux jużaw il-Malti għax għadd ta’ allievi u studenti ma jifhmuhx. (U lanqas m’għandhom il-motivazzjoni jitgħallmuh għax hekk jew b’hekk se jitilqu minn Malta.) Imma t-tgerfix fl-edukazzjoni jissokta għax il-livell ta’ Ingliż ta’ bosta mill-migranti hu jew baxx jew ta’ natura mħallta.
Qed nispiċċaw b’Ingliż mitħaddet f’Malta li hu kawlata, b’nuqqas ta’ preċiżjoni impressjonanti. Kif dan-nuqqas ta’ preċiżjoni jista’ b’xi mod jgħin lill-edukazzjoni hu misteru għalija. In-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-lingwa jwassal għal nuqqas ta’ preċiżjoni fil-ħsieb.
Però ma’ dan kollu hemm ukoll l-għarfien monk tal-lingwa. Eżempju żgħir: ħafna f’Malta ma jafux x’inhi “pala” bl-Ingliż. Jiġifieri anki fuq livell ta’ għarfien tat-termini bażiċi tal-lingwa, qed ngħixu f’sitwazzjoni lingwistika ta’ difetti kbar. Intenni, kif dad-difetti jistgħu jgħinu lill-edukazzjoni għalija hu misteru kbir.
Ir-raba’: Is-saħħa
It-tkabbir insensat u irrazzjonali tal-popolazzjoni ġab konsegwenzi serji fuq is-servizzi tas-saħħa. Dak li kien imfassal għal 400,000 ruħ issa jrid ilaħħaq ma’ ftit anqas minn 600,000 f’popolazzjoni permanenti u ma’ xi 3,500,000 turist fis-sena. B’ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni ma hu possibbli li dak li tfassal għal nofs miljun ilaħħaq ma’ numri hekk kbar.
Il-problemi fil-qasam tas-saħħa mhumiex żgħar. Hemm problema ta’ reklutaġġ ta’ tobba. Qed jinġiebu tobba barranin, bil-problemi tal-lingwa li jġibu magħhom, imma wkoll ta’ livell ta’ għarfien espert. Xi ħadd qalli li waqt interview ma’ xi applikanti għall-pożizzjoni ta’ ġinekoloġu-ostetriku, saret il-mistoqsija: “Jekk tarbija jeħlulha spallejha f’għonq il-ġuf, x’għandu jsir?” Ir-risposta ta’ applikanta barranija kienet: “Dekapitazzjoni” (jiġifieri qtugħ ir-ras, tat-tarbija naturalment). Issa jew l-applikanta kellha problema serja ta’ lingwa jew ta’ għarfien espert.
Hemm problemi oħrajn ta’ tagħmir, ta’ spazju, ta’ amministrazzjoni tal-isptar u tal-istaff…
Fl-aħħar mill-aħħar, li jgħodd hu s-servizz medjokri li jingħata lill-Maltin, li jmorru d-dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar tal-Istat u jispiċċaw iqattgħu 13-il siegħa jistennew – meta suppost kustjoni ta’ emerġenza.
Hi kisba kbira dik li f’Malta s-servizzi tas-saħħa huma bla ħlas. Dil-kisba ma tistax tintilef minħabba f’immaniġġjar u f’ippjanar bla previdenza. U fuq kollox minħabba fit-tkabbir enormi tal-popolazzjoni li mhux bilfors qiegħed jibbenefika minnu kulħadd.
Sar imperattiv għal Malta li tinstab soluzzjoni ta’ sostenibbiltà – kif it-tkabbir ekonomiku ma jibqax għaddej bħalkieku ma hemmx limiti, għax, fil-verità, il-limiti hemm qegħdin, u jekk jinqabżu ma nibqgħux sostenibbli. Tkabbir iva, imma mhux a skapitu tal-kwalità tal-ħajja.
Il-ħames: Il-liġi
F’dak li għandu x’jaqsam mal-bidla fil-kostituzzjoni ġenetika ta’ ġensna, ħadd ma talabna l-opinjoni tagħna. Imma dwar l-abort hemm diskors li għad tintalab l-opinjoni tagħna. Jiġifieri, hawn min irid jibdel il-liġi fis-sens li noqtlu lil uliedna (b’għażla tagħna) imma jrid li l-barranin jidħlu jgħixu fostna (mingħajr l-għażla tagħna).
Iżda l-liġijiet ta’ pajjiżna hemm min irid jibdilhom ukoll f’aspetti oħrajn tal-qtil tal-individwi, bħalma hi l-ewtanasja. It-tendenza fil-għemil tal-liġijiet tagħna m’għadhiex aktar favur il-ħajja imma favur il-mewt.
Il-mewt mhux biss tal-individwi imma wkoll tal-kultura. Jien qed nara mewta bil-mod tal-kultura legali Italo-Franċiża f’Malta, għax ħafna mill-avukati u n-nutara li qed jiggradwaw ma jafu la t-Taljan u lanqas il-Franċiż. Qed nilmaħ ċaqliq sottili imma determinat, bħal donnu miġra ta’ ilma għaddejja minn taħt il-blat, lejn il-liġijiet Ingliżi.
Din hi kwestjoni li l-Maltin jeħtieġu jiddeliberaw dwarha u mhux imorru fejn jeħodhom il-kurrent. Irridu nabbandunaw il-kultura legali Italo-Franċiża u nħaddnu dik Ingliża, jew nibqgħu fit-tradizzjoni li mxejna fiha matul is-sekli?
Dal-aħħar pentapunt hu forsi dibattitu għall-ftit. Ma jfissirx, iżda, li b’daqshekk mhux importanti. Mhux kulma jinteressa lill-massa biss hu ta’ konsegwenza.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 28 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>