Opinjoni

OPINJONI: Nisimgħu u nkunu hemm għall-vuċi tan-nies

Fil-prinċipju żgur li naqblu li meta niġu għall-politika, il-voti huma importanti, imma l-fiduċja u l-lealtà tan-nies huma prezzjużi ħafna iktar

George Muscat
Kandidat
Partit Nazzjonalista

Meta n-nies jiftħu qalbhom miegħi, inħoss ir-responsabbiltà u l-unur li nkun hemm għalihom, speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
L-akbar rigal li nista’ nirċievi bħala kandidat hu l-fiduċja u l-lealtà tan-nies. Meta jiftħu qalbhom miegħi, jaqsmu miegħi l-uġigħ, l-isfidi u l-mard tal-ħajja ta’ kuljum.
Bħalma jiftħu bieb darhom, jiftħu wkoll qalbhom: “Trid kafè? Jew wiski? Poġġi ħdejna… ħu biċċa ħobż magħna.” F’dak il-mument, iħossuni parti mill-familja tagħhom.
U meta jistaqsuni: “Se tibqa’ tieħu ħsiebna?” naf li dan hu l-ikbar obbligu li jista’ jkolli. Kull kelma tagħhom timlini b’motivazzjoni. Aktar ma niltaqa’ ma’ nies, aktar insir umli.
Uġigħ f’qalbi meta nara familji fil-bżonn jew bilkemm ilaħħqu mal-ħajja. Nixtieq nagħmel aktar, u xi kultant inħoss li m’iniex nagħmel biżżejjed. Bil-lejl, meta npoġġi rasi fuq l-imħadda, nistaqsi: Kif se jlaħħqu? Min nista’ nsejjaħ biex jgħinhom? Xi stajt nagħmel aktar?
Din hi t-tip ta’ politika li nemmen fiha: waħda mibnija fuq valuri u prinċipji, u li ma tinsa qatt lill-iżgħar u l-aktar vulnerabbli. Għax il-politika, fl-aħħar mill-aħħar, trid tkun għalihom.
“Il-mexxej kbir mhuwiex dak li jrid ikun fil-quċċata, imma dak li jħoss il-bżonn ta’ kull wieħed minn ta’ taħt.”
Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika mhijiex dwar is-siġġijiet jew it-titli, imma dwar il-qlub li nagħtu l-ħin u l-ħidma tagħna għalihom.