Lokali Qorti

Pleġġ għal żewġt irġiel akkużati b’attentat ta’ qtil fil-Ħamrun, anke jekk wieħed se jibqa’ ġewwa

Żewġ ċittadini Albaniżi, Besim Borici ta’ 39 sena u Ergest Kashari ta’ 34 sena, li qed jiffaċċjaw akkużi relatati ma’ daqqiet ta’ sikkina fil-Ħamrun, ġew mogħtija l-ħelsien mill-arrest, għalkemm wieħed minnhom se jibqa’ miżmum sal-ħlas tal-garanzija.

It-tnejn qed jiċħdu l-akkużi li jinkludu attentat ta’ qtil, ġrieħi gravi fuq il-vittma u ksur tal-paċi pubblika. Il-każ kien seħħ għall-ħabta tat-3am tat-3 ta’ Awwissu, meta żewġ irġiel Albaniżi daħlu fl-Għassa tal-Pulizija fil-Ħamrun — wieħed minnhom bid-demm ħiereġ minn ġismu. Kienu huma li talbu għal ambulanza u l-vittma ttieħdet Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li kien f’kundizzjoni kritika.

Skont ix-xhieda tal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, il-ħabib tal-vittma qal lill-Pulizija li kienu ġew minn Feel Lounge, post li jinsab faċċata tal-Għassa, fejn kienu qed jixorbu. Il-vittma kien ħareġ barra iżda ma rritornax; meta mar ifittxu, sabu mweġġa’ u ġarru malajr lejn l-Għassa.

Il-vittma xehed ukoll fil-kawża, fejn qal li l-erbgħa kienu eks ħbieb, iżda kienu nqatgħu minn ma’ xulxin matul ix-xhur ta’ qabel. Dakinhar, kienu ltaqgħu barra Feel Lounge, fejn faqqa’ argument u spiċċa midrub b’daqqiet ta’ sikkina.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, tat il-ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati b’garanzija ta’ €15,000 li saret minn parti terza. Mart Borici telgħet tixhed u qalet li kienet lesta toqgħod bħala garanta għal żewġha.

Il-Qorti wissietha li, f’każ li Borici jikser il-kundizzjonijiet jew jinstab ħati, hija tkun obbligata tħallas is-somma jew tiskonta sentenza alternattiva. “Ma jiksirhomx,” hija wieġbet, u qalet li kienet tifhem tajjeb dak li kien qed jintalab minnha. Il-Qorti ddikjaratha bħala garanta xierqa u Borici ngħata l-ħelsien.

Fir-rigward ta’ Kashari, l-avukat tiegħu infurmat lill-Qorti li ħuh — li kien qed jassisti finanzjarjament lill-familja fl-Albanija — ma kellux il-fondi meħtieġa fil-kont bankarju tiegħu, u għalhekk s’issa l-ħelsien tiegħu għadu mhux effettiv.

L-Avukati Jennifer Polidano u Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mill-Ispettur Zerafa mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Anthea Bonnici Zammit dehru għal Borici, filwaqt li Dr. Shaun Zammit deher għal Kashari.