Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju mill-isfida soċjali li qed iħabbtu wiċċhom magħha bosta żgħażagħ – dik li jsiru sidien ta’ darhom. U huwa fid-dover tal-Gvern li jindirizza din l-isfida, kif qed jipprova jagħti l-impressjoni li qed jagħmel.
Madanakollu, bl-aħħar skema tal-housing li ħabbar għall-first-time buyers, il-Gvern Laburista li suppost jaqbeż għaż-żgħir spiċċa biex, għall-kuntrarju, se jkun qed jaġevola lill-ħut il-kbir li se jiekol sew mis-sussidju li l-Gvern seta’ jagħti kieku bena hu dawn l-appartamenti.
Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, Ivan Bartolo, fi stqarrija fejn sostna li fl-iskema mħabbra mill-Gvern għal dawk li jridu jixtru l-ewwel dar, il-Gvern se jagħti l-art tal-poplu lil żviluppaturi magħżula billi dawn iħallsu biss dak li jissejjaħ “ground rent” u l-art tingħata b’xejn lill-iżviluppaturi biex imbagħad – wara li jinbnew l-appartmenti – il-Gvern jista’ jbigħhom b’rata kummerċjali imma bil-kundizzjoni li jagħti sussidju ta’ 30% fuq il-prezz kummerċjali.
Dan ifisser li l-iżviluppatur magħżul se jagħmel profitt akbar milli kieku qiegħed jibni fil-privat. Fil-fatt huwa stmat li l-art fin-negozju privat tiswa lill-iżviluppaturi madwar 60% mill-ispiża totali. Għaldaqstant, jekk f’din l-iskema l-iżviluppatur jrid jagħti 30% sussidju, se jibqgħulu profitti kbar għaliex l-art tkun ġietu b’xejn. Huwa veru li dan irid iħallas il-ground rent imma nafu li l-ground rent se tgħaddi fuq min jixtri l-appartament.
Il-Gvern qed ikun ġeneruż ma’ dawn l-iżviluppaturi magħżula għal din l-iskema. Kieku l-Gvern bena huwa stess, kieku dan il-profitt kien jgħaddih f’sussidju ferm akbar.
Hija ħasra li quddiem din il-kritika u dawn id-dubji, il-Ministru Roderick Galdes spiċċa jmur fuq il-media Laburista u jinfexx jitgħajjar, anke personalment, minflok jipprovdi risposti għad-dubji li qed jitqajmu.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għalkemm din l-iskema qed tidher li qed tgħin lil dawk li jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom, u huwa tajjeb li kieku l-Gvern jipprova jindirizza din id-diffikultà, madanakollu kien ikun ferm u ferm aktar għaqli u transparenti kieku flok ħareġ bi skema kumplikata u li fiha diversi dellijiet u xamma ta’ tbagħbis, bena huwa stess dawn l-appartamenti u jbigħhom b’kemm jiġu jiswewh. Kieku għamel dan, is-sussidju kien ikun ferm akbar.
//= $special ?>