Internazzjonali

Stati Uniti: Attakk brutali fuq it-tfal Kattoliċi f’Minneapolis….Maqtulin waqt li kienu qed jisimgħu l-quddies

L-aġenti tal-FBI qed jinvestigaw sparatura fil-belt ta’ Minneapolis li ħalliet żewġt itfal mejtin u talanqas 17-il midruba….L-attakk, intant, qed tkun investigata bħala ‘reat ta’ mibgħeda kontra l-komunità ta’ Kattoliċi’.

L-investigazzjoni qed tikkonċentra wkoll fuq it-terroriżmu domestiku  fejn l-aggressur kellu l-intenzjoni speċifika biex joqtol il-massimu ta’ persuni ta’ fidi Kattolika. Dan qalu d-Direttur tal-FBI, Kash Patel, waqt kummenti lill-istampa.

Iż-żewġt itfal maqtula kellhom tmien snin u għaxar snin rispettivament. Huma spiċċaw fil-mira meta l-aggressur beda jispara mit-twieqi ta’ Knisja dedikata lill-Assunta fejn numru ta’ tfal kienu preżenti għall-quddies qabel l-ewwel ġimgħa tal-iskola. Il-vittmi kienu t-tnejn studenti fl-Iskola Kattolika tal-Annunziata u fost il-midruba kien hemm ukoll numru ta adulti.

L-aggressur, identifikat bħala Robin Westman, spiċċa joqtol lilu nnifsu fuq il-post bl-istess arma li ntużat għar-reat. Westman, li kellu 23 sena, kien jattendi din l-iskola snin ilu u l-pulizija, fil-preżent, qed jinvestigaw  ‘manifest’ li hu kien qed jiċċirkola fuq il-media soċjali.

L-awtoritajiet, intant, għad iridu  jiffissaw il-mottiv għall-attakk, bir-residenti f’Minneapolis jinsabu taħt xokk, fost il-vejl ta’ talb kontinwu għall-vittmi.

Fl-istess ħin, hemm sens kbir ta’ rabja fost din il-komunità – b’mod partikulari għaliex ir-reat kellu jseħħ waqt quddiesa biex tinawgura s-sena skolastika.

Il-Papa Ljun XIV – l-ewwel Kap tal-Knisja Amerikan – kien fost l-ewwel li esprimew niket għar-reat terribbli u fejn hu estenda s-simpatiji profondi lill-qraba tal-vittmi kif ukoll lill-midruba.

L-Uffiċjali tal-Pulizija, sadanittant, qalu li l-aggressur wettaq ‘att ta’ vjolenza maħsubha’ kontra t-tfal innoċenti u persuni  oħra preżenti għal sessjoni ta’ talb fil-knisja.

L-istqarrija sostniet li ‘wieħed lanqas jista’ jibda biex jifhem il-livell ta’ krudeltà ta’ persuna li tiddeċiedi biex tispara direttament għal ġo knisja mimlija bit-tfal’.

Il-knisja fejn seħħ l-attakk tinkorpora l-imsemmija skola għall-istudenti Kattoliċi u fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-aggressur kien armat b’azzarin, senter u pistola fil-ħin meta kkommetta r-reat. Il-Pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza anki elevaw il-bombi tad-duħħan mill-inħawi u li allegatament kien qed iġorrhom l-aggressur.