Lokali Qorti

Tiċħad li aggredid lura lil eks-sieħeb tagħha waqt vaganza fis-Slovakkja

Mara ta’ 40 sena minn Ħaż-Żebbuġ wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li kkaġunat ġrieħi gravi lill-eks partner tagħha waqt vaganza fil-belt ta’ Bratislava, fis-Slovakkja, bejn il-lejl tal-21 u t-22 t’Awwissu.

Skont dak li nstema’ fil-Qorti, il-vittma rrapporta l-każ lill-Pulizija wara li ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi minn tabib. L-istess raġel bħalissa jinsab fuq il-ħelsien mill-arrest fuq argument preċedenti relatat mal-istess persuna, li fih allegatament kien aggressiv, qabadha minn xagħarha u kaxkarha.

Huwa kien telaq minn fuq il-post, iżda irritorna ftit wara, u l-argument kompla matul il-lejl. Il-vittma qal li anke hi aggreditu lura waqt l-argument. L-imputata, li ġarrbet ukoll xi ġrieħi, spiċċat mill-vaganza qabel iż-żmien u rritornat Malta. Hi rrappurtat l-inċident u sussegwentement, il-vittma mar għandu tabib u għamel ir-rapport tiegħu. Il-mara ġiet arrestata mill-Pulizija aktar tard fid-Depot.

Minbarra li ġiet mixlija li kkaġunat ġrieħi gravi, hija qed taffaċċja wkoll akkużi li kkaġunat biża’ ta’ vjolenza lill-istess partner, bil-prosekuzzjoni titlob ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti ordnat ukoll projbizzjoni tal-pubblikazzjoni dwar il-post tax-xogħol u min iħaddimha.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-imputata għandha diġà ordni ta’ protezzjoni favur tagħha kontra l-istess raġel, u għalhekk intalbet ordni reċiproka biex jitnaqqas ir-riskju ta’ influwenza fuq ix-xhieda.

Ġie enfasizzat ukoll li l-mara hija omm ta’ tlett itfal minuri u qed taffaċċja spejjeż kbar marbutin mas-saħħa u mal-proċess ta’ separazzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet ħfief: curfew ta’ bejn l-10pm u s-6am, garanzija personali ta’ €4,200 u depożitu ta’ €800. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija, bl-avukat Miryea Mifsud tidher għall-Avukat Ġenerali. Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet il-każ. Għall-akkużata dehru l-Avukati Nicholas Mifsud u Yanika Barbara Sant. Il-każ għandu jkompli fil-jiem li ġejjin