Lokali Qorti

Turist Spanjol jingħata sentenza sospiża wara li ammetta li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol

Marc Agiula Perez, ċittadin Spanjol li kien qed iżur Malta, tressaq il-Qorti akkużat li saq vettura b’mod perikoluż, negliġenti jew b’mod li jpoġġi lil ħaddieħor fil-periklu. Huwa kien ukoll akkużat li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol u li l-livell ta’ alkoħol fid-demm tiegħu kien ogħla mil-limitu legali.

Agiula Perez inqabad waqt ‘road block’ li sar kmieni filgħodu fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan, sbieħ il-Ħamis. Skont il-prosekuzzjoni, ir-riżultat tat-test tal-breathalyser wera li kellu 40 microgrammi ta’ alkoħol għal kull 100 millilitru ta’ nifs, meta l-limitu legali f’Malta huwa 22 microgrammi.

Huwa tressaq filgħaxija l-istess jum tal-Ħamis, fejn l-akkużat deher il-Qorti u wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, permezz ta’ interpretu. Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom l-ammissjoni bikrija tal-akkużat, nuqqas ta’ każijiet preċedenti kriminali, u ċ-ċirkostanzi tal-każ.

Il-Maġistrat Lara Lanfranco, li kienet qed tipresiedi l-każ, ikkundannat lill-akkużat għal tliet xhur ħabs, iżda sospendiet is-sentenza għal sena, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi. Barra minn hekk, Agiula Perez ġie mmultat €500 u ssoġġettat għal projbizzjoni milli jżomm liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet xhur.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Dylan Pace, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Sarah Vassallo Ciliberti.