Lokali

Aktar ma jmur aktar issir evidenti l-qasma bejn il-Kunsillieri Laburisti fil-Fgura

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed issir evidenti l-qasma bejn il-Kunsillieri Laburisti fil-Fgura. Dan hekk kif il-kunsilliera li telqu ‘l barra mill-kunsill wara argument jaħraq mas-suppost kollega tagħhom is-Sindku Clayton Cascun Portelli issa qed jaħdmu għal rashom.

Dan joħroġ minn post fuq il-midja soċjali li għamlet il-kunsilliera Josianne Scicluna fejn tenniet “Flimkien mal-kollegi Vici Sindku Sur Darren Marmara u l-Kunsillier Adrian Tanti konna qegħdin nisimgħu u nitkellmu ma’ residenti li joqogħdu fil-lokal tagħna tal-Fgura”.

Dan juri biċ-ċar li dawn it-tliet kunsillieri Laburisti issa ddeċidew li jaħdmu għal rashom bil-qasma fil-Labour tkompli toħroġ iktar fid-deher.

Dan ikompli jinkwadra ma’ dak li diġà ġie rappurtat fil-ġranet li għaddew f’dan l-istess kunsill lokali tal-Fgura fejn issa l-ġlied u l-piki ħarġu fid-deher b’detriment għar-residenti tal-Fgura.

Residenti li tkellmu ma’ dan l-istazzjoni saħqu li din il-firda fost il-Kunsillieri Laburisti li suppost qed imexxu l-Fgura b’maġġoranza tant b’saħħitha qed iżżomm u xxekkel il-ħidma tal-istess kunsill favur ir-residenti.

Jirriżulta ċar ukoll li l-Partit Laburista tilef il-kontroll intern fil-qasam tal-Kunsilli Lokali hekk kif dan l-istazzjon irrapporta fost l-oajn inċidenti f’Kunsilli oħrajn fosthom fil-Qala u l-Imqabba. 

Dan ikompli juri li anke f’dan il-qasam il-Partit Laburista jinsab f’kaos sħiħ u minkejja t-tentattivi li qed jipprova jagħmel bl-iktar uffiċjali għoljin tal-istess Partit sabiex dawn is-sitwazzjonijiet jiġu kkontrollati, qed ifalli repetutament u bil-goff.