Għadhom kif saru magħrufa s-sitt avversarji li se jilgħabu kontra tagħhom Ħamrun Spartans fl-istadju li jmiss, dak tal-Kampjonat, tal-UEFA Conference League.
Ħamrun Spartans se jkunu qed jilgħabu kontra avversarji meqjusa b’saħħithom u oħrajn li ċ-champions Maltin kapaċi jħabtuha magħhom u għaliex le, jaspiraw għal rebħ ta’ punti.
Għalkemm is-sitt avversarji li se jaffrontaw Ħamrun Spartans issa huma magħrufa, l-ordni ta’ kif u meta se jintlagħbu l-partiti għad irid ikun deċiż u ikkomunikat lill-klabbs rispettivi.
L-aktar logħba attrajenti mis-sitta li għandhom skedati Ħamrun Spartans, mistennija tkun kontra l-qawwa Ukrena ta’ FC Shakhtar Donetsk. Din il-logħba se tintlagħab f’Ta’Qali.
Iż-żewġ partiti l-oħra li minn issa diġa’ nafu li se jintlagħbu f’Malta huma Lincoln Red Imps F.C., klabb minn Ġibiltá u FC Lausanne-Sport, wieħed mill-klabbs li jiffurmaw parti mis-Super League Żvizzeru.
In-nofs l-ieħor tal-partiti li se jilgħabu ċ-champions Maltin se jkunu lilhinn minn xtutna. Dawn se jkunu kontra Shamrock Rovers tal-Irlanda, Jagiellonia Białystok tal-Polonja u Samsunspor, tim mis-Süper Lig tat-Turkija.
Fuq il-karta l-partita li Ħamrun Spartans se jilagħbu f’Ta’Qali kontra Lincoln Red Imps F.C. ta’ Ġibiltá, hija l-aktar waħda li toffri possibiltajiet realistiċi li l-Ispartans jaspiraw għar-rebħ tat-tliet punti.
Hu mifhum li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-UEFA għandha tħabbar l-ordni ta’ kif se jintlagħbu dawn il-partiti, id-dati u l-ħinijiet ta’ kull logħba minn dawn.
//= $special ?>