Internazzjonali

Il-Litwanja ssaħħaħ id-difiżi quddiem it-theddida tar-Russja

Il-Litwanja – pajjiż fir-reġjun tal-Baltiku li hu msieħeb fl-Unjoni Ewropea u n-NATO – qed tieħu aktar miżuri biex tilqa’ għall-aggressjoni potenzjali min-naħa tar-Russja.

Fil-fatt, il-Litwani, issa, ikkonkludew sistema ta’ difiżi mal-fruntieri tal-pajjiż ma’ Kaliningrad, li hu territorju kontrollat mir-Russi fil-Baħar Baltiku….Sistema intensiva mlaqqma Snien tad-Dragun u li tinkorpora diversi ostakli għall-movimenti tat-truppi u t-tankijiet tal-gwerra.

Il-Ministeru tad-Difiża fil-belt ta’ Vilnius, il-kapitali tal-Litwanja, sostna li l-pajjiż qed jieħu kull prekawzjoni biex jaċċerta minn difiża aktar effettiva f’dawn iż-żmenijiet inċerti.

Iż-żewġ Stati Baltiċi oħrajn – il-Latvja u l-Estonja – l-istess bħal-Litwanja, huma membri tal-UE u n-NATO filwaqt li wkoll qed jaqsmu fruntiera mar-Russja.

Dawn il-pajjiżi, fl-istess ħin, qed jintensifikaw is-sistemi ta’ difiżi quddiem it-theddida ta’ invażjoni mill-qawwiet Russi ta’ Vladimir Putin…Theddida li saret aktar realistika mindu t-truppi ta’Moska bdew l-offensiva kbira fuq l-Ukrajna, fi Frar tal-2022.

Il-militar Litwan, fuq kollox, qed jipprova jnaqqas mill-potenzjal ta’ invażjoni ta’ pajjiżu u fejn anki tella’ l-ostakli ġodda mal-aċċessi tal-fruntiera mal-Belarus, li hu fost l-akbar alleati tal-Kremlin.