Is-sitwazzjoni kkonfermata Kaja Kallas, l-Uffiċjal responsabbli mil-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, wara laqgħa informali tal-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin f’Kopenhagen, il-kapitali tad-Danimarka.
Kallas qalet li d-diviżjoni bejn l-Istati tal-Unjoni qed taffettwa negattivament il-kredibbiltà globali tal-UE waqt li esprimiet diżappunt għan-nuqqas ta’ qbil fost il-Ministri.
Hi qalet li jidher ċar li l-Istati-membri ma jaqblux dwar kif jistgħu jipperswadu lill-Gvern Iżraeljan biex jibdel id-direzzjoni f’din is-sitwazzjoni ta’ gwerra.
Hi kompliet li l-għażliet huma ċari u jibqgħu fuq il-mejda iżda, fl-istess ħin, hu minnu li mhux l-Istati membri kollha tal-Unjoni qegħdin jiġbdu l-istess ħabel, fiċ-ċirkustanzi.
Dan meta l-Istati tal-Unjoni għad ma għandhom l-ebda ftehim dwar il-pjan intiż għas-sospensjoni tal-kummerċ ħieles ma’ Iżrael, bħala parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael.
Numru ta’ pajjiżi – fosthom il-Ġermanja u l-Ungerija – esprimew l-oppożizzjoni tagħhom waqt li d-Danimarka indikat li għandha tappoġġja s-sospensjoni tal-kummerċ ħieles mal-Iżraeljani.
Intant, Kallas insistiet dwar l-importanza tal-uniformità bejn l-Istati tal-UE dwar il-passi li jmiss rigward Iżrael.
Il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Lars Løkke Rasmussen, issuġġerixxa li l-Unjoni kapaċi tieħu ċerti passi biex tiżgiċċa mill-veto ta’ xi Stati membri tal-Unjoni.
Hu tenna l-importanza li wieħed jaħseb b’mod aktar innovattiv dwar is-soluzzjonijiet relatati ma’ Gaza u Iżrael, waqt li ċaħad id-dikjarazzjonijiet tal-Iżraeljani li t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas jistgħu jingħataw saħħa ġdida minn kull deċiżjoni għal-limitazzjoni tal-kummerċ bejn Iżrael u l-Unjoni Ewropea.
Rasmussen sostna li l-Ewropa għandha timpenja ruħha biex tkisser dawn in-narrativi foloz waqt li twassal messaġġ ċar li mgħandha l-ebda ħsieb biex issaħħaħ lill-Ħamas.
Fl-istess ħin, Kallas qalet li l-Unjoni qed twettaq il-pressjoni fuq Iżrael biex tipprovdi l-assistenza umanitarja f’Gaza…Assistenza li tippermetti biex aktar trakkijiet tal-għajnuna jidħlu fl-artijiet tal-Palestinjani permezz tal-aċċessi mill-fruntieri.
Fi tmiem il-ġimgħa, sar magħruf li Iżrael irid inaqqas jew anki jwaqqaf il-movimenti tal-għajnuna lill-Palestinjani fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.
Dan meta l-Iżraeljani qed iżidu l-offensiva militari fil-Belt ta’ Gaza, fost strateġija li ġġenerat il-kundanna tal-komunità internazzjonali.
//= $special ?>