Futbol Sport

Liverpool jiksbu tlett punti prezzjużi kontra Arsenal, Manchester City megħluba minn Brighton

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu tlett punti importanti ħafna li jafu jiswew ħafna lejn l-aħħar tal-kampjonat hekk kif għelbu lir-rivali diretti għall-Premier League Arsenal bl-iskor minimu ta’ 1-0. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-83 minuta minn gowl mill-isbaħ ta’ Dominik Szoboszlai.

Brighton ħasdu lis-Citizens bir-rebħa tagħhom fl-Amex Stadium bl-iskor finali jkun 2-1.

Manchester City ħadu l-vantaġġ l-ewwel fl-34 minuta permezz ta’ Erling Haaland.

Brighton irnexxielhom jillivelaw l-iskor fis-67 minuta meta l-veteran James Milner ikkonverta l-penalty tiegħu, qabel Braya Gauda xeħet ġewwa fid-89 minuta għall-gowl tar-rebħa.

West Ham United irrispondew għall-kritika u kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Nottingham Forest 3-0.

West Ham stennew sa vera tard fil-partita biex fetħu l-iskor, tant kemm hu hekk li fl-84 minuta wasal l-ewwel gowl. Kien Jarrod Bowen li skorja l-ewwel minn assist ta’ Summerville.

Lucas Paqueta kkonverta l-penalty tiegħu fit-88 minuta biex irdoppja l-iskor.

Callum Wilson skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb fil-91 minuta.

Fl-aħħar partita tal-ġurnata, Crystal Palace ġħelbu lil Aston Villa f’Villa Park 3-0.

Jean Phillipe Mateta skorja l-ewwel gowl meta kkonverta l-penalty tiegħu wara 21 minuta. Marc Guehi jirdoppja b’gowl mill-isbaħ fis-66 minuta, qabel Ismaila Sarr jisiġilla r-rebħa b’daqqa ta’ ras mill-viċin.