Futbol Sport

Birkirkara għadhom ‘il bogħod minn deċiżjoni ta’ ħatra ta’ kowċ ġdid

David Mazzotta
David Mazzotta

Jiem wara li sar magħruf li Birkirkara laħqu ftehim ma’ Stefano De Angelis biex it-tnejn itemmu l-kuntratt ta’ bejniethom, l-amministrazzjoni tal-klabb qed taħdem biex tasal għal deċiżjoni finali għal min se jkun il-kowċ il-ġdid tal-Istripes.

Sal-lum, Net News għadu ma rrapporta xejn dwar l-aħħar żviliuppi marbuta mal-ħatra tal-kowċ il-ġdid ta’ Birkirkara, iżda sezzjonijiet tal-midja lokali għamlu referenza lejn numru ta’ kowċis, fil-maġġoranza Maltin, li potenzjalment jistgħu jkunu l-għażla tal-klabb bħala l-kowċ suċċessur tat-Taljan. Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li wħud minn dawn l-ismijiet jidher li kienu spekulattivi, u ‘l bogħod mil-veritá.

Sal-lum il-veritá hi waħda; dik li Birkirkara qed jieħdu l-ħin kollu tagħhom biex jagħżlu l-isem tal-kowċ il-ġdid, peress li l-impenn li jmisshom jilagħbu l-Istripes hu wara ż-żewġ partiti interanzzjonali tat-tim nazzjonali Malti. S’issa m’hemmx isem li jinsab qrib li jitħabbar bħala l-kowċ il-ġdid tal-Istripes, però minn informazzjoni li għandu Net News, jidher li Birkirkara, qed juru interess fil-kowċ nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Davide Mazzotta.

Mhux magħruf jekk it-Taljan ta’ 55 sena huwiex interessat biex jassumi r-rwol tal-persuna responsabbli mit-tmexxija teknika ta’ Birkirkara, anke għaliex sal-lum għadu ma sar ebda kuntatt mill-klabb, mal-eks kowċ interim ta’ Malta, peress li Birkirkara qed jażgħlu li jżommu l-etiká, u ma jkelmux lil Mazzotta f’perjodu fejn l-istess kowċ u l-bqija tal-istaff tekniku tiegħu, jinsabu iffukati fuq il-preparazzjoni tal-impenji li jmissu jilgħab fil-jiem li ġejjin, it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

Sorsi qrib il-klabb Karkariz, qalulna li Mazzotta jkun l-għażla ideali għal dak li qed ifittex il-klabb fil-mument. Il-possibiltá ta’ Mazzatta ma’ Birkirkara taf tkun diffiċli ukoll peress li l-kowċ hu marbut b’kuntratt mal-MFA, u kwalunkwé diskussjonijiet finalment iridu jiġu diskussi mal-assoċjazzjoni.

Madankollu, Birkirkara qed iħarsu lejn alternattivi oħra. Kelliem għall-klabb ikkonferma ma’ Replay li fl-aħħar jiem, kien hemm diversi kowċis Maltin u barranin, inkluż ismijiet li qatt qabel ma kellhom esperjenza f’Malta, li għamlu kuntatt mal-klabb biex jesprimu l-interess tagħhom f’dan ir-rwol.

Hu mifhum li fil-jiem li għaddew, Birkirkara kienu f’diskussjonijiet ma’ Mosta, sabiex jiksbu lid-Direttur Tekniku tagħhom, Mario Muscat biex jifforma parti integrali mill-istaff ta’ kowċis fit-tmexxija ta’ Birkirkara. Madankollu jidher li kwalunkwé tentattiv bejn it-tnejn falla, u Mosta għamluha ċara li la darba Muscat hu marbut b’kuntratt magħhom, mhumiex interessati li jħallu lill-eks gowlkiper internazzjonali Malti jħalli l-klabb.

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Birkirkara qed jagħżlu li ma jgħaġġlux fid-deċiżjoni importanti li jridu jieħdu u qed jibqgħu jistennew qabel jaslu għal deċiżjoni finali.

Intant għalissa, l-iskwadra qed titmexxa mill-assistant kowċ li kellu De Angelis miegħu, it-Taljan Alessandro Caridi.