L-età legali tax-xorb għandha tkun għall-inqas ta’ 18-il sena, il-bartenders għandhom ikollhom liċenzja speċifika biex iservu l-alkoħol u ‘il-happy hour’ għandha jew tiġi illegali jew inkella estiża b’xarbiet li mhux alkoħoliċi.
Dawn huma wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali mwaqqfa biex tiġġieled id-dipendenza fuq l-alkoħol.
Id-direttur ta’ Sedqa, Charles Scerri, f’konferenza tal-aħbarjiet fl-Università l-antika, saħaq li dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed isiru sabiex jonqsu l-livelli għoljin ta’ konsum tal-alkoħol f’Malta u Għawdex. Dan anke abbażi tal-aħħar statistika ppublikata fl-2023 – liema numri juru kif madwar 80 fil-mija tal-poplu Malti kkonsma l-alkoħol tal-inqas darba f’ħajtu, u dan jista’ jkun ukoll minħabba li l-età legali għax-xorb hija ta’ 17-il sena.
Scerri spjega li l-proposti rigward tal-età legali għax-xorb waslu wara evalwazzjoni tal-linji gwida internazzjonali bbażati fuq l-iżvilupp tal-bniedem u kif wieħed, anke min età żgħira, jiġi magħġun jixrob l-alkoħol – fost l-oħrajn – biex ikompli man-nies f’attivitajiet soċjali.
Min naħa l-oħra Sedqa proponiet li dawk li jservu l-alkaħol għandhom ikunu obbligati jkollhom liċenzja simili għal-licenza tal-immaniġġjar tal-ikel. Rakkomandazzjonijiet oħra jinkludu, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta’ mistoqsijiet relatati mal-konsum alkaħol meta wieħed jitla’ għat-test tal-liċenzja tas-seqqan, dan apparti suġġeriment dwar projbizzjoni tal-alkaħol f’ċerimonji u attivitajiet fil-preżenza tat-tfal.
Miżuri oħra li proponiet Sedqa kienu jikkonsistu fl-investiment bżonjuż fl-edukazzjoni dwar ix-xorb u kif hemm bżonn, iktar minn qatt qabel, żieda qawwija f’kampanji nazzjonali mmirati mhux biss għal dawk taħt l-età – però għall-poplu kollu kemm hu.
Fl-aħħarnett Sedqa appellat ukoll għal pieni aktar ħorox, ġaladarba tinkiser il-liġi, kemm għal min ibiegħ u kemm għal minn jikkonsma l-alkoħol.
Dan fost appelli sabiex din il-konsultazzjoni tittieħed bis-serjetà sabiex l-abbuż li jwassal għal traġedji varji jitnaqqas mill-aktar fiss.
//= $special ?>