Hekk kif ninsabu fl-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti tal-kampanja akkwisti tas-sajf, wieħed mit-trasferimenti li għadu mhux uffiċjali li iżda mistenni jkun konkluż sal-lejla, hu dak tal-gowlkiper numru wieħed Taljan, Gianluigi Donnarumma.
L-aħħar dettalji fil-media internazzjonali, u skont dak li qed jiġi rrapurtat li qal il-kowċ nazzjonali Taljan, Gennaro Gattuso, id-destinazzjoni tal-gowlkiper ta’ PSG hi ma’ Manchester City, tant li l Donnarumma għandu jagħmel l-aħħar testijiet mediċi f’Manchester, qabel ma jiffirma mal-klabb tal-Premier League Ingliż, u t-trasferiment tiegħu ma’ The Citizens isir wieħed uffiċjali.
Aktar rapporti fil-media Brittanika qed jgħidu li ż-żewġ klabbs rispettivi laħqu qbil fuq somma ta’ €35 miljun sabiex il-gowlkiper ta’ 26 sena jibda esperjenza ġdida fl-Ingilterra.
Fil-bidu t’Awwissu, PSG akkwistaw lill-gowlkiper żagħżugħ Franċiz, Lucas Chevalier u l-kowċ taċ-champions ta’ Ligue 1, Luis Enrique għamilha ċara li l-gowlkiper li aktar tard tard din is-sena jagħlaq 24 sena, kien se jkun l-ewwel għażla tiegħu bejn il-lasti.
L-akkwist ta’ Donnarumma minn Manchester City ikun ifisser b’ċertezza t-tluq tal-gowlkiper Brażiljan Ederson li skont dak li qed jirraporta l-ġurnalist Taljan, Fabrizio Romano, il-gowlkiper li llu mat-tim Ingliż mis-sajf tal-2017, mistenni jkun trasferit ma’ Fenerbahçe fit-Turkija, b’somma ta’ bejn €13 u €14-il miljun.
Intant, qabel il-bidu tal-istaġun 2025/26, Manchester City assiguraw l-akkwist tal-gowlkiper mingħand Burnley, James Trafford. L-eks gowlkiper internazzjonali Ingliż ta’ taħt il-21 sena, kien l-għażla ta’ Pep Guardiola fl-ewwel tliet partiti tal-Premier League madankollu Trafford naqas milli jikkonvinċi bil-prestazzjonijiet tiegħu, tant li Manchester City tilfu tnejn mill-ewwel tliet partiti tal-Kampjonat.
//= $special ?>