Lokali

Id-Deputat tal-PN Chris Said imexxi delegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li se tosserva l-elezzjonijiet fil-Moldova

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Chris Said se jkun qed imexxi delegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fil-Moldova li se tkun qed tosserva l-elezzjonijiet parlamentari li se jsiru f’dan il-pajjiż aktar tard dan ix-xahar.

Il-ħatra ta’ Chris Said biex imexxi d-delegazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fil-Moldova f’mument delikat għal dan il-pajjiż hija ta’ unur għal Malta, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.

Minbarra li hija turija tal-fiduċja fil-kompetenza u l-integrità ta’ Chris Said bħala Membru Parlamentari minn Malta, din il-ħatra tirrifletti wkoll l-impenn tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista lejn id-demokrazija u l-ħarsien tas-saltna tad-dritt.

Fi stqarrija,is-Segretarju Internazzjonali tal-PN, Beppe Galea u x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami, stqarrew li l-elezzjonijiet parlamentari fil-Moldova se jsiru fit-28 ta’ Settembru, u Chris Said se jkun qed imexxi delegazzjoni li se tinkludi rappreżentanti minn San Marino, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvizzera. Huma se jżuru l-Moldova bejn għada u nhar il-Ħamis u se jkunu bbażati fil-kapitali Chisinau fejn se jkollhom diversi laqgħat b’rabta mal-proċess elettorali. Wara, jerġgħu jżuru l-Moldova fil-ġimgħa tal-elezzjoni proprja biex josservaw il-votazzjoni u t-tħabbir tar-riżultat.

Il-missjoni pre-elettorali fil-Moldova se tinkludi wkoll laqgħat uffiċjali mal-President tal-Moldova Maia Sandu u mal-Ispeaker tal-Parlament Igor Grosu kif ukoll mal-Kummissjoni Elettorali, u ma’ diversi ministri u istituzzjonijiet tal-Istat.

Din il-ġimgħa, fost l-oħrajn id-delegazzjoni se tkun qed tosserva l-preparamenti għall-elezzjoni minn diversi aspetti fosthom ir-reġistrazzjoni tal-kandidati, l-aċċess għall-media, u l-kundizzjonijiet tal-kampanja elettorali. Laqgħat oħra se jsiru mal-Missjoni tal-OSCE f’dan il-pajjiż u anke ma’ għadd ta’ NGOs.

Aktar tard, imbagħad, meta tirritorna fil-Moldova fil-ġimgħa tal-elezzjonijiet, id-delegazzjoni mmexxija minn Chris Said se tkun qed tissorvelja l-kundizzjonijiet fil-jum tal-votazzjoni u waqt il-proċess tal-għadd tal-voti biex tassigura li l-proċess ikun wieħed ġust. Eventwalment id-delegazzjoni tħejji rapport dwar il-kredibbiltà tal-proċess kollu tal-elezzjonijiet parlamentari f’dan il-pajjiż.

Il-preżenza ta’ osservaturi internazzjonali, fosthom mill-Kunsill tal-Ewropa, fil-Moldova hekk kif il-poplu se jkun qed jagħżel parlament ġdid, tibgħat sinjal b’saħħtu favur proċess elettorali trasparenti, sigur u konformi mal-istandards Ewropej.