Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tħassar sentenza fuq vjolenza domestika u bil-ġudizzju jrid isir mill-ġdid

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ħassret sentenza fil-kawża kontra żagħżugħ ta’ 25 sena residenti San Ġiljan, li kien instab ħati ta’ diversi reati relatati ma’ vjolenza domestika kontra ommu u oħtu, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li kien reċidiv.

L-appell sar kontra sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ingħatat fit-7 ta’ Frar 2023, fejn il-Qorti kienet sabitu ħati parzjalment u kienet imponiet fuqu Ordni ta’ Probation u Ordni ta’ Trattament għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-Qorti tal-Appell osservat li fil-parti finali tas-sentenza, il-Qorti tal-Maġistrati naqset milli ssemmi l-artikolu korrett tal-liġi li jikkontempla r-reat li Muscat kien akkużat bih fit-tieni imputazzjoni, jiġifieri li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Minflok l-Artikolu 579(2) tal-Kodiċi Kriminali, li hu l-artikolu relevanti f’dan il-każ, il-Qorti tal-Maġistrati ċitat żbaljatament Artikolu ieħor, jiġifieri l-Artikolu 23 tal-Kap. 446, li m’għandu x’jaqsam xejn mal-imputazzjoni. Dan in-nuqqas tqies bħala formalità sostanzjali li tagħmel is-sentenza invalida.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet ex officio li tħassar u tannulla s-sentenza kollha, sabiex l-appellant ma jiġix imċaħħad mid-dritt għal eżami doppju tal-każ tiegħu. Il-Qorti rritornat l-atti proċedurali lura għand il-Qorti tal-Maġistrati sabiex l-istess każ jiġi deċiż mill-ġdid skont il-liġi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ma tidħolx fil-mertu tal-provi iżda indikat li biex tkun valida sentenza għandha tinkludi referenza ċara għall-artikoli tal-liġi applikabbli, speċjalment meta tiddeċiedi dwar ħtija fuq reat kriminali. Għalhekk, il-proċess jerġa’ jibda mill-ġdid quddiem l-Ewwel Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.