Lokali Qorti

Konferma ta’ nuqqas ta’ ħtija fuq każ ta’ kutrabandu

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza ta’ mhux ħati li kien ingħata Alfred German fil-Qorti tal-Maġistrati. Il-każ kien jirrigwarda attivitajiet suspettati ta’ kuntrabandu li seħħew fit-12 ta’ Marzu 2004, fejn trailer wasal Malta mill-Italja b’konsenja ta’ ‘mushroom compost’ indirizzata lil Quality Mushrooms Ltd.

F’parti moħbija fit-trailer instabu ġkieket tas-salvataġġ u basket mimli oġġetti b’valur ta’ €5,303.98, li fuqhom ma tħallsux drittijiet doganali ta’ €130.95 u VAT ta’ €978.29. Dan l-appell kien qed jikkontesta s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fis-6 ta’ Novembru 2023, li kienet illiberat lil German mill-akkużi kollha minħabba nuqqas ta’ provi.

L-Avukat Ġenerali sostna li l-Qorti tal-ewwel istanza żbaljat fil-fatti u fil-liġi, u argumenta li kien hemm biżżejjed provi ċirkostanzjali u dokumentali — fosthom ricevuta ffirmata minn German u rabta mhux miċħuda mat-trailer — li kienu jindikaw il-parteċipazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali kkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti li teskludi d-dikjarazzjoni li German kien ta lill-Pulizija, fejn kien ammetta li t-trailer kien tiegħu, u sostna li din id-dikjarazzjoni ma kellhiex tiġi miċħuda sempliċement għax saret fi żmien meta German ma kellux dritt għall-assistenza legali.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell qablet mad-deċiżjoni tal-ewwel Qorti u kkonfermat li d-dikjarazzjoni lill-Pulizija kienet inammissibbli, billi saret mingħajr twissija u mingħajr l-assistenza ta’ avukat f’perjodu meta d-dritt Malti b’mod sistematiku kien iċaħħad lill-akkużati minn dawn id-drittijiet, fi ksur ta’ prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Qorti żiedet tgħid li d-dikjarazzjoni kienet kruċjali għall-każ tal-prosekuzzjoni u, ladarba ġiet eskluża, il-provi li fadal ma kinux biżżejjed biex jistabbilixxu ħtija lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Għalhekk, il-Qorti ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat il-libertà ta’ Alfred German, filwaqt li żammet l-ordni għall-konfiska tal-oġġetti miżmuma.

Wara eżami bir-reqqa tal-provi u tal-preżentazzjoni tad-difiża, il-Qorti tal-Appell sabet li l-proċeduri tal-ewwel istanza ġew imwettqa b’mod korrett u li l-eżklużjoni ta’ ċertu dokumenti tad-difiża kienet ġustifikata.

Għalhekk, ma kien hemm l-ebda bażi legali biex tingħata sentenza ġdida jew li jingħata sentenza ta’ ħtija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Joseph Abdilla.