Internazzjonali

L-Afganistan: ‘Il fuq minn 800 vittma ta’ terremot qawwi

Iz-zoni lejn il-lvant tal-Afganistan jinsabu f’xifer ta’ katastrofi wara li l-inħawi ntlaqtu minn terremot qawwi li sewa l-ħajja ta’ mill-anqas 800 persuna, minbarra li ssarraf ukoll fil-mijiet tal-midruba.

It-terremot, li mmarka 6.5 fuq l-Iskala Richter u li laqat sa fond ta’ tmien kilometri taħt l-art, hu fost l-akbar li laqtu r-reġjun għal ħafna snin. Intant, l-esperti qed jgħidu li dan il-fond partikulari jirrendi l-impatt ta’ kull theżżiża bħala ferm aktar distruttiv.

Fil-fatt, il-qawwa tat-terremot kienet biżżejjed biex theżżeż numru kbir ta’ bini qalb it-territorji li jwasslu minn Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, sal-belt ta’ Islamabad; il-kapitali tal-Pakistan.

Fl-istess ħin, sal-bieraħ kienet għaddejja tfittxija għal numru sinifikanti ta’ neqsin qalb iz-zoni Afgani tal-Lvant li huma kważi inaċċessibbli mill-art.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-ħsarat qed tkun ukoll ikkumplikata mill-fatt li z-zoni huma daqsant remoti. Dan waqt li numru kbir ta’ ħelikopters qed jippruvaw isalvaw lin-nies mir-reġjuni mbegħdin tal-lvant li ma jintlaħqux mit-trakkijiet tal-iskwadri għall-emerġenzi.

Hu ċert li numru kbir ta’ Afgani f’dawn iz-zoni remoti spiċċaw taħt ir-radam, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li diversi villaġġi viċin l-epiċentru tat-terremot inqerdu kompletament fit-theżżiż

L-aġenzija umanitarja tan-NU qalet, sadanittant, li r-rapporti preliminarji qed jindikaw li l-parti kbira nett tal-vittmi tilfu ħajjithom f’erba’ provinċji tal-Afganistan.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji qed jikkalkula li l-midruba waqt it-terremot qabżu sew l-2,000 – bin-numru, x’aktarx, hu ħafna akbar. Dan meta l-għajnuna kapaċi ddum ħafna biex tasal lil dawn il-midruba.

L-istess Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti qed tikkalkula wkoll li tal-anqas 14,000 Afgan ġarrbu direttament l-effetti tat-terremot, bil-ħsarat sussegwenti għall-bini u l-infrastruttura kapaċi jkunu inkalkulabbli.