Knisja Lokali

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jikkundanna l-qtil tal-ġurnalisti f’Gaza

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kkundanna l-vjolenza kontra l-ġurnalisti fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari f’Gaża, u appella sabiex “jitħallew jaqdu x-xogħol tagħhom u r-responsabbiltà li għandhom”.

Din is-sejħa ġiet fil-ġurnata fejn madwar 200 mezz tal-midja madwar 50 pajjiż differenti, fosthom f’Malta, ingħaqdu flimkien f’sejħa biex ma jibqgħux jinqatlu ġurnalisti f’Gaża u biex jitolbu aċċess għall-midja internazzjonali.

B’referenza għall-Evanġelju tal-lum (Lq 4:16-30), meta Ġesù ma ġiex aċċettat minn niesu stess għaliex kien iwassal il-verità, l-Isqof Galea-Curmi qabbel il-persekuzzjoni sal-mewt li għadda minnha Ġesù ma’ dak li għaddejjin minnu l-ġurnalisti: “Ix-xogħol tal-ġurnalisti hu proprju li juruna din ir-realtà, il-verità tas-sitwazzjoni. Għalhekk hija kerha ħafna li inti anki toqtol lil min qed juri l-verità u trid telimina wkoll lil min qed jurik ir-realtà”.

Huwa fakkar li kien proprju grazzi għall-ħidma tal-ġurnalisti li d-dinja saret taf bit-traġedja tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas u mill-attroċitajiet li qed iseħħu mill-armata Iżraeljana, fejn “qed issir qerda ta’ poplu, ta’ tant nies, ta’ tant tfal, li qegħdin hemmhekk jinqatlu, ta’ nies li qegħdin imutu bil-ġuħ, ta’ nies li qegħdin jitilqu mill-pajjiż tagħhom bilfors”.

L-Isqof Awżiljarju talab lill-Mulej “biex ikollna l-grazzja li bħalu, aħna nibqgħu dejjem b’determinazzjoni u b’kuraġġ nagħmlu dak li aħna responsabbli tiegħu u naqdu d-dmirijiet tagħna b’fedeltà”.