Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras ċaħdet l-appell ta’ Silvio (Saviour) Pace li kien kundannat tmien xhur ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati fuq serq ta’ ġojjellerija minn residenza f’Tas-Sliema. Anzi kellu l-piena tiegħu miżjuda u minflok tmien xhur ħabs ġie kundannat għal tliet snin priġunerija effettiva.
Din is-sentenza ġiet ukoll aggravata wara li sar ukoll appell tal-Avukat Ġenerali li kien ippreżenta rikors sabiex tingħata piena aktar gravi. Pace, li għandu 57 sena u residenti l-Ħamrun, kien instab ħati li fis-13 ta’ Awwissu 2017 seraq ġojjellerija u flus kontanti minn dar f’Tas-Sliema, fejn kien daħal minn tieqa li nstabet żgassata.
Il-Pulizija sabu impronta ta’ żarbun fil-ħoġor tat-tieqa, u minn analiżi ta’ dan is-sejba irriżulta li kienet taqbel ma’ slippers li nstabu fil-proprjetà ta’ Pace waqt tfittxija. Filmati tas-CCTV tal-viċinanzi wrew ukoll lir-raġel liebes flokk aħmar, jeans griż u slippers bojod – deskrittiva li kienet taqbel perfettament mal-ħwejjeġ misjuba fid-dar tiegħu u max-xhieda ta’ għadd ta’ persuni li rawh fl-inħawi fil-ħin tas-serqa.
Il-Qorti ma laqgħetx id-difiża ta’ Pace li sostniet li l-footprint waħedha ma kinitx prova biżżejjed, u lanqas il-fatt li l-impronti diġitali ma kinux jaqblu tiegħu. Il-Qorti rrimarkat li l-footprint instabet ġewwa residenza privata, mhux f’post pubbliku, u għalhekk għandha valur probatorju għoli, partikolarment meta l-individwu mhux magħruf li qatt daħal f’dik id-dar.
Żiedet tgħid li l-korrelazzjoni bejn il-footprint, il-filmati, l-ħwejjeġ misjuba u x-xhieda kollha flimkien jikkostitwixxu katina ta’ provi ċirkostanzjali li jirrendu lill-imputat ħati bla dubju raġjonevoli. Il-Qorti kienet ukoll sodisfatta li l-intenzjoni kriminali kienet preżenti u li nħoloq gwadann personali, anke jekk l-oġġetti misruqa ma nstabux.
L-imġiba suspettuża ta’ Pace, kemm fil-filmati kif ukoll meta ġie osservat minn residenti, kompliet issaħħaħ il-prova kontra tiegħu. L-identifikazzjoni tiegħu mill-Pulizija wkoll ġiet meqjusa bħala waħda valida u b’saħħitha, peress li dawn huma uffiċjali b’esperjenza investigattiva u ħiliet osservattivi iktar avvanzati minn ċittadin komuni.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell mhux biss ċaħdet l-appell ta’ Pace iżda laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali u imponiet piena aktar iebsa ta’ tliet snin ħabs, minħabba n-natura serja tar-reat, l-aggravanti li l-valur tas-serqa kien wieħed konsiderevoli, u l-fatt li Pace huwa reċidiv b’fedina penali estensiva.
Barra minn hekk, ġie ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €1,955.25 għall-ispejjeż tal-esperti li ħadmu fuq il-każ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Mark A. Mercieca.
//= $special ?>