Raġel ta’ 35 sena tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ ħafif lill-eks sieħba tiegħu, li magħha temm relazzjoni ta’ ħames snin madwar sena ilu. Il-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija fit-23 ta’ Awwissu meta l-mara marret għand it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex tagħmel rapport.
Skont l-Ispettur Christian Cauchi, il-koppja kienet għadha f’kuntatt minkejja li kienu f’relazzjonijiet oħra. Il-Qorti semgħet kif xi żmien ilu, wara l-mewt tan-nannu tal-mara, l-akkużat bagħtilha l-fjuri u wara beda jibgħatilha messaġġi biex jiltaqgħu għal ‘drink’.
Meta ma rċieva l-ebda risposta għat-talbiet tiegħu – peress li l-mara kellha l-mobile sieket – mar għandha d-dar, fejn beda joffendiha verbalment. Allegatament, meta l-mara talbitu jitlaq, huwa mbuttaha u kkawżalha ġrieħi ħfief.
Ir-raġel inqabad mill-Pulizija waqt li kien qed jiffirma l-għassa fuq każ tal-ħelsien mill-arrest f’każ separat. Ir-raġel, li jaħdem bħala ‘deliveryman’, ġie akkużat li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza lill-eks sieħba tiegħu, heddidha, insulenta u weġġagħha ħafif.
Barra minn hekk, ġie akkużat li abbuża minn tagħmir elettroniku u li għamel ħsara lill-mobile tagħha. Huwa tressaq ukoll akkużat li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest kif ukoll ordni ta’ probation preċedenti.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat tad-Difiża, Nicholas Mifsud, talab għall-ħelsien mill-arrest, u qal li tista’ tiġi imposta ordni ta’ protezzjoni biex tiġi mħarsa l-allegata vittma. Huwa sostna li r-relazzjoni kienet waħda “on and off” iżda l-ordni għandha tkun biżżejjed biex il-klijent tiegħu jżomm id-distanza.
L-avukat żied jgħid li jekk ir-raġel jinżamm arrestat, se jitlef xogħlu u b’hekk ma jkunx jista’ jħallas il-manteniment lill-omm ta’ wliedu – mara oħra mhux il-vittma f’dan il-każ. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinħeles fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000.
Ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. Barra minn hekk, il-Qorti imponiet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat.
//= $special ?>