Marjan Nikolovski, raġel ta’ 24 sena mill-Maċedonja, wieġeb mhux ħati fil-Qorti wara li ġie mixli li weġġa’ żewġt irġiel waqt inċident li seħħ fil-Club Hive, f’Paceville fis-26 ta’ Lulju. Wieħed mill-vittmi sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor sofra feriti ħfief.
Il-każ seħħ waqt ‘bachelor’s party’ li kien għaddej fil-post. Jirriżulta li l-irġiel kienu mitluba jitilqu mill-klabb u, skont rapporti, wieħed minnhom qal lil Nikolovski biex jikkalma qabel dan allegatament tah daqqa li kkaġunatlu ksur f’wiċċu.
Nikolovski, li allegatament kien qed jaħdem bħala bouncer mingħajr il-liċenzja meħtieġa biex jaħdem f’zona ta’ divertiment, ġie mixli b’użu eċċessiv ta’ forza, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika, insulta u pprovoka lill-vittmi, u li reġa’ kiser il-liġi (reċidiv).
Għalkemm għandu liċenzja ġenerali bħala gwardjan privat, l-akkuża tgħid li ma kellux il-permess speċifiku biex jaħdem f’postijiet ta’ divertiment. Fil-Qorti, id-difiża mmexxija mill-avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat Valentina Cassar mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali assistita mill-Ispettur tal-Pulizija James Turner, ma oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest dment li Nikolovski ma jaħdimx iktar bħala gwardjan f’zona ta’ divertiment. Cassar spjegat li dan l-istess individwu kien diġà nstab jaħdem illegalment bħala gwardjan f’tali post iktar kmieni din is-sena.
Il-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Nikolovski jinħeles b’depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Barra minn hekk, ġie ordnat li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum u ma jistax taħt l-ebda ċirkostanza jaħdem bħala gwardjan tas-sigurtà sakemm il-proċeduri jkunu għadhom pendenti. Minflok, ġie awtorizzat li jista’ jaħdem biss bħala ‘usher’.
L-Avukat Maurice Meli deher bħala parte civile f’isem il-vittmi.
//= $special ?>