Opinjoni

OPINJONI: Ġab l-aqwa riżultat fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024

Bernard Grech kien Kap li kien kapaċi jisma’ lil kulħadd, empatiku ma’ kulħadd, u kien kapaċi jagħraf il-qagħda emozzjonali

Mark Anthony Sammut
Il-President
tal-Kunsill Ġenerali
u x-Shadow Minister
għat-Trasport u Mobilità

Bernard Grech mexxa lill-Partit Nazzjonalista għal kważi ħames snin. Kienu ħames snin li fihom, flimkien ma’ oħrajn, kelli l-opportunità nsir nafu aktar mill-viċin.
Fl-aħħar erba’ snin, stajt naħdem aktar fil-qrib miegħu bħala President tal-Kunsill Ġenerali, u allura konna niltaqgħu mhux biss fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari, tal-Kumitat Eżekuttiv u tal-Kunsill Amministrattiv, imma anke fil-laqgħat tat-Tmexxija tal-Partit.
Fuq livell personali, żgur li Bernard Grech kien Kap li kien kapaċi jisma’ lil kulħadd, empatiku ma’ kulħadd, u kien kapaċi jagħraf il-qagħda emozzjonali u umana ta’ dawk li kienu qed jaħdmu miegħu jew qrib tiegħu. Dan huwa preġju kbir f’kariga bħal dik, għax ħafna drabi jkun hemm it-tentazzjoni biex tant tiffoka fuq ir-riżultati u fuq il-ħidma li tinjora xi jkunu għaddejjin minnu dawk li jkunu qed jagħtu ħinhom u saħħithom fil-Partit. Xi ħaġa li Bernard Grech kien attent ħafna li ma jaqax fiha.
F’dawn il-ħames snin Bernard Grech għamel diversi bidliet fil-Partit Nazzjonalista. Uħud dehru, u wħud forsi ftit stajna napprezzawhom għax il-frott tagħhom għadu ħa jkun qed jinqata’ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Bidla kbira
Naħseb l-ewwel bidla kbira li ġab kienet fil-Grupp Parlamentari. Bernard Grech irnexxielu jirriġenera l-Grupp Parlamentari sal-punt li aktar min-nofs id-Deputati eletti fl-2022 kienu eletti għall-ewwel darba, u qatt ma kienu għadhom servew fil-Parlament qabel. Din ġabet riġenerazzjoni sħiħa fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, tiġdid akbar miż-żewġ elezzjonijiet ta’ qabel.
Taħt it-tmexxija t’a Bernard Grech, dan il-Partit ġab ukoll l-aħjar riżultat li qatt ġab fl-elezzjonijiet Ewropej, u l-aħjar riżultat elettorali li ġab fuq livell nazzjonali fl-aħħar 16-il sena. Kien il-frott tal-ħidma kollettiva ta’ ħafna nies, iżda huwa żgur li l-Kap kellu mertu kbir biex għaqqad lil dawn id-diversi fatturi jaħdmu flimkien.
Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, rajna wkoll il-midja tal-Partit tissaħħaħ, u anke tiġi fuq quddiem f’surveys tal-Awtorità tax-Xandir. In-NET sar l-aktar stazzjon privat segwit. Dan fisser introjtu aħjar għal midja, u allura finanzi aktar sostenibbli. Ir-riżultat ta’ dan ċert li ħa nkunu qed ingawduh fix-xhur li ġejjin.
Irrid nirringrazzja lil Bernard Grech tax-xogħol kollu li wettaq fil-ħames snin tat-tmexxija tiegħu, tad-dedikazzjoni, tas-sagrifiċċju u tal-impenn li wera f’dawn il-ħames snin fit-tmexxija. Grazzi wkoll lill-mara tiegħu, AnneMarie, u lill-familja kollha tiegħu, li żgur li ġarrew dan il-piż u dan is-sagrifiċċju miegħu.
Ejja naraw li flimkien mal-Kap il-ġdid li se jkun elett minn hawn u ftit ġimgħat oħra nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar ħa nkomplu nsaħħu lil dan il-Partit u noffru Gvern ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 31  ta’ Awwissu, 2025.