Nathaniel Attard
Id-Direttur Komunikazzjoni PN u Kelliem
ta’ Dr Bernard Grech
Kull bidu fih it-tmiem, jgħidu.
Imma nistqarr li meta f’Settembru ta’ sena ilu sejjaħli Bernard Grech biex inkun kelliem uffiċjali tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, apparti li nokkupa r-rwol ta’ Direttur Komunikazzjoni tal-PN, ftit li xejn seta’ qatt jgħaddili minn moħħi li inqas minn sena wara kont se nkun qed nikteb il-memorji tiegħi ta’ din l-esperjenza.
Għalkemm id-destin ried li forsi mhux għal perjodu daqshekk twil, kien unur u privileġġ li nservi f’din il-kariga. Kariga li fiha ħdimt mill-qrib ħafna ma’ Bernard Grech bħala Kap tal-PN ta’ kuljum, minn filgħodu sa filgħaxija, bla festi, Sibtijiet jew Ħdud, u skoprejt verament min hu Bernard Grech mhux biss il-politiku, imma anke Bernard Grech l-uman, Bernard Grech il-missier tal-familja, Bernard Grech il-persuna.
Meta taħdem fil-qrib ma’ xi ħadd, issir tafu sew minn kull aspett. U għalhekk f’mument bħal dan ikun aktar diffiċli għalina kollha li ħdimna fil-qrib ma’ Dr Grech li nesprimu verament dak li nkunu qed inħossu.
Fil-każ tiegħi, meta aċċettajt it-talba li għamilli biex ningħaqad mat-tim tiegħu, aċċettajt – wara ħafna ħsieb – għax ridt li nagħti sehmi biex lil dan il-pajjiż nagħtuh il-bidla li għandu bżonn. Kont konvint li Bernard Grech huwa l-persuna li seta’ jwassal għal din il-bidla. U rajt b’għajnejja stess kemm ħadem fuq li ħadem biex naslu għal dan it-tragward. Tragward li konna diġà bdejna nersqu lejh bil-mod il-mod, kif jixhdu r-riżultati pożittivi miksuba fl-aħħar appuntamenti elettorali li kellna f’pajjiżna.
Naf sew is-sagrifiċċji li għamel Bernard Grech, is-sigħat twal mimlija laqgħat ġurnata wara l-oħra fl-uffiċċju u barra minnu, l-impenn qawwi li bih mexxa l-ħidma tiegħu, il-konvinzjoni li biha kien jieħu kull deċiżjoni.
Min jaf kemm nies iltqajna magħhom….kemm attivitajiet organizzajna…kemm żjarat għamilna…kemm familji u ħaddiema żorna u tkellimna magħhom…kemm diskorsi ppreparajna…kemm intervisti u djalogi ħejjejna flimkien!
Ngħożż il-mumenti
Kienet esperjenza li diffiċli ninsa. Se nibqa’ niftakar u ngħożż il-mumenti twal li qattajna flimkien niddiskutu l-politika u kif nistgħu ntejbu l-ħajja tan-nies.
Li żgur ma nistgħu ninsew qatt, però – aħna kollha li ħdimna qrib Bernard Grech – hija l-umanità u l-integrità kbira tiegħu. L-apprezzament kontinwu lejna li konna viċin tiegħu għall-ħidma li konna nwettqu, dawk il-mumenti ħelwin ’il bogħod mill-uffiċċju li kienu jippermettulna inqattgħu ħin flimkien mhux fuq ix-xogħol, dik il-kelma ta’ kuraġġ kull darba li kien meħtieġ speċjalment f’mumenti ta’ diqa li għaddejna minnhom tul dan il-perjodu, is-sens ta’ mħabba u rispett lejn il-familja, lejn il-ħaddiema, lejn dawk kollha li b’xi mod messew miegħu tul dan il-vjaġġ.
Fost l-oħrajn ma nista’ ninsa qatt l-appoġġ qawwi u sinċier tiegħu lejja meta, ftit xhur biss wara li bdejt naħdem viċin tiegħu, għaddejt mill-agħar mumenti ta’ ħajti meta tlift lill-għażiża ommi f’inqas minn xahar. Hu u AnneMarie mhux biss kienu qrib il-ħin kollu, imma saħanistra ġew iżuruha l-isptar u baqgħu sal-aħħar isegwu dak li kont għaddej minnu. Dan kien Bernard Grech. Jinteressah minn kulħadd, u l-ewwel għalih – kif kien dejjem jgħidli – jiġu u l-familja u l-persuni l-aktar għeżież għalina.
F’Bernard Grech rajt persuna li dejjem poġġiet l-interess tal-Partit Nazzjonalista…tan-nies….tal-pajjiż, tagħna lkoll, qabel kull interess ieħor. Bl-istess mod ma nistgħux ma napprezzawx ukoll il-kontribut qawwi li tat martu AnneMarie b’risq il-PN u l-pajjiż u anke l-fatt li kienet ta’ spalla kontinwa b’saħħitha għal żewġha matul dawn is-snin. Kif kienu wkoll iż-żewġ uliedu Maria u Neil.
Anke l-pass li Bernard Grech għażel li jieħu meta rriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa turija ċara tal-irġulija kbira tiegħu. Taqbel jew ma taqbilx mad-deċiżjoni li ħa, anke meta ħalla din il-kariga, Dr Bernard Grech reġa’ għażel l-interess tal-Partit Nazzjonalista qabel tiegħu.
Jalla min ġej warajh iħaddan l-istess valuri li ħaddan Dr Bernard Grech. U jalla jimxi fuq l-eżempju tiegħu u jibni fuq dak li rnexxielu jakkwista tul il-ħames snin li dam imexxi l-PN.
Biex nagħlaq dawn il-kelmtejn qosra fi tmiem dan il-kapitlu politiku, ippermettuli nindirizza direttament lil Bernard Grech: “Grazzi ta’ kulma għamilt għal dan il-Partit li tant inħobbu. U għal dan il-pajjiż li lkoll nixtiequ li jkun aħjar. Konvint li kif wegħedtna diġà, se tkompli tagħti sehmek biex il-PN ikompli miexi ’l quddiem. Grazzi Kap!”
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>