Alex Borg
Shadow Minister
għal Għawdex
Meta Bernard Grech ħabbar li se jkun qiegħed jirreżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħafna minna ħassejna mumenti ta’ emozzjoni mħallta.
Kien mument ta’ dwejjaq, għax konna nafu li konna se nitilfu figura li mexxietna b’dinjità, b’serjetà, u b’ġenwinità rari. Fl-istess ħin, ħassejna sens ta’ gratitudni profonda lejn raġel li f’mumenti kruċjali għal pajjiżna, ta tmexxija stabbli u rispettabbli lill-Partit Nazzjonalista.
Ikkonferma li għalih il-Partit u l-pajjiż kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox, inkluż qabel hu nnifsu. Kien daħal fil-politika bħala Kap tal-Partit meta emmen li seta’ jgħin lill-Partit jimxi ‘l quddiem u l-mument li ħass li seta’ jgħin lill-Partit l-iktar milli jagħmel pass lura, hu għamel dan, għaliex għalih l-ewwel jiġu l-Partit u l-pajjiż.
Waħda mill-akbar kisbiet tiegħu, u wieħed li se jibqa’ mmarkat fl-istorja tal-Partit, huwa li rnexxielu jgħaqqad mill-ġdid lill-familja Nazzjonalista. Wara snin ta’ diviżjoni u tensjonijiet interni, Bernard ġie b’ton ta’ rispett, bil-kalma, u b’għaqal.
Bernard Grech kien Kap li għażel li jkun preżenti fost in-nies. Ma kienx bniedem ta’ ħafna kliem vojt jew spettaklu, imma persuna li kienet tisma’ b’attenzjoni, tieħu nota, u mbagħad taħdem.
Tul it-tmexxija tiegħu rajna Partit li reġa’ beda jemmen fih innifsu wara r-riżultat elettorali tal-Kunsill Lokali u anke tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet.
Bernard mhux biss ġedded u saħħaħ l-istruttura tal-Partit, iżda wkoll kabbar il-familja Nazzjonalista b’nies ġodda, ta’ valur, u b’sens qawwi ta’ servizz pubbliku.
Bernard emmen fina
Għadd ta’ żgħażagħ, professjonisti u ċittadini minn kull triq tal-ħajja daħlu għall-politika b’fidi ġdida, għax Bernard emmen fihom u tahom spazju biex jikbru. Jiena fost dawk li ngħid dan b’konvinzjoni, għax kont fost dawk li Bernard għażel li jagħti fiduċja, u dak l-appoġġ ma ninsa qatt.
Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ma beżax jitkellem b’leħen ċar fuq il-kwistjonijiet li jimpurtaw lin-nies. Minn proposti dwar l-għoli tal-ħajja, sa miżuri dwar is-saħħa mentali, l-edukazzjoni, il-governanza u l-ħarsien tal-ambjent. Bernard kien konxju li l-poplu jrid Oppożizzjoni li apparti li topponi dak li jkun qed isir ħażin mill-Gvern tipproponi l-vizjoni tagħha ‘l quddiem.
Qatt ma pprova jagħti impressjoni li kollox kien perfett jew li ma kienx hemm sfidi. Imma llum, kif inħarsu lura lejn dawn is-snin, nistgħu ngħidu b’ċertezza li ħalla partit aktar b’saħħtu, aktar magħqud, u aktar rispettat milli sabu. Huwa bena bażi soda li fuqha għandna nibnu l-futur.
L-ispirtu ta’ għaqda, l-umiltà fit-tmexxija, u l-kuraġġ li jħares lil kulħadd fl-għajnejn huma valuri li rridu nżommu ħajjin. Bernard wera li tmexxija b’umiltà mhix sinjal ta’ dgħufija, imma ta’ maturità u forza interna.
Grazzi Bernard. Grazzi talli tajtna l-eżempju. Grazzi talli wrejna li l-politika tista’ tkun nadifa. Grazzi talli saħħaħt lill-Partit Nazzjonalista mhux biss fl-istruttura tiegħu, imma fl-ispirtu tiegħu. Grazzi talli erġajt welledt tama ġdida f’nies li kienu tilfu l-fiduċja.
Issa fuqna li nkomplu nibnu fuq dan il-pedament. Fuqna li nlestu dak li bdejna flimkien. Għax dan hu l-akbar unur li nistgħu nagħtu b’mod sinċier: li nkunu leali lejn dak li verament emmintu fih, il-politika bħala servizz lejn il-poplu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>