Opinjoni

OPINJONI: Mur emminhom!

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

Programmi jew Manifesti Elettorali tal-partiti politiċi, min-natura tagħhom huma l-linji gwida li fuqhom partit partikolari jintrabat mal-elettorat li jwettaq jekk jingħata l-fiduċja. Minkejja dan, ħadd ma jista’ jippretendi li dawn il-programmi/manifesti huma xi domma tal-fidi li, jiġri x’jiġri, se jitwettqu 100 fil-100.
Naturalment imbagħad tidħol il-kredibbiltà tal-partiti. Altru ċirkustanzi li jinqalgħu bla mhu mistenni li jagħmlulha impossibbli li wegħdiet li jkunu saru jitwettqu, u altru wegħdiet li jsiru sempliċiment biex iħajru lill-elettorat u, b’hekk, jingannawh meta jivvota.
Taħt din il-kategorija nistgħu npoġġu numru ta’ wegħdiet ewlenin fil-Manifest Elettorali 2022 tal-Partit Laburista bit-titlu ‘Malta Flimkien’.
Illum nistgħu naraw u nifhmu kif numru mill-wegħdiet elettorali li l-Labour għamel fil-Manifest tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali kienu saru BISS biex jisirqu l-vot tal-eletturi u ċertament qatt ma setgħu jitwettqu. Jiġifieri kienu jafu li ma kinux se jwettquhom iżda biex jagħmlu l-Manifest tagħhom jappella aktar, wegħduhom xorta biex jiftgħu l-bżar f’għajnejn in-nies.
Fost dawk il-wegħdiet kien hemm dik tal-Metro, il-proġett ta’ Triq Sant’Anna fil-Furjana u l-mina bejn Malta u Għawdex. Fil-każ tal-Isptar Mentali l-bużillis inqala’ wara l-elezzjoni u mal-bidla ta’ Ministru Laburista ma’ ieħor tal-istess partit.
Hawn se nfakkruhom biex ħadd ma jinsa dawn l-inganni tal-Labour.

Addio l-Metro ta’ €6.2 biljun

X’WIEGĦDU: Il-proġett tal-metro hu intiż li jnaqqas drastikament
il-kultura dipendenti fuq l-użu tal-karozza privata. (Manifest Parag. 414)
X’QALU: Il-proġett tat-trasport bil-metro f’Malta m’għadux proġett ta’
prijorità għall-Gvern (PM Robert Abela, 31 ta’ Ottubru, 2023).

■ Fil-każ tal-proġett tal-Metro l-ingann kien doppju għaliex mhux biss il-Labour daħħlu bħala wegħda ewlenija fil-Manifest, iżda saħansitra nefaq mijiet ta’ eluf ta’ ewro – il-biċċa l-kbira fost dawk li jgħinuh fil-kampanji elettorali – biex fid-daħla tal-Belt Valletta jagħmel wirja ‘fantastika’ maħsuba biex tagħmel il-proġett jidher wieħed kredibbli u fattibbli.
Wara ftit xhur mill-Elezzjoni tal-2022, il-PM Robert Abela stqarr li l-Metro ma kienx għadu fil-lista tal-prijoritajiet tal-Gvern, filwaqt li ftit warajh, il-Ministru tat-Trasport stqarr li l-Metro kien spiża għolja wisq għal pajjiżna Qarrieqa bil-provi.

L-Isptar Mentali… saga ta’ 12-il sena

X’WIEGĦDU: Jinfetaħ l-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta viċin
l-Isptar Mater Dei, b’120 sodda, ġnien terapewtiku u servizz ta’ outpatient. (Manifest Parag. 499).
X’QALU: L-isptar mentali ġdid mhux se nagħmluh biex tonqos l-istigma soċjali dwar is-saħħa mentali (Il-Ministru J.E. Abela, 11 ta’ Marzu 2024).

■ L-isptar mentali ġdid, il-Labour kien ilu jwiegħdu sa mill-2013, meta tela’ fil-gvern u l-Ministru tas-Saħħa kien Godfrey Farrugia. It-tnejn ta’ warajh, Konrad Mizzi u Chris Fearne – partikolarment dan tal-aħħar – kienu għamlu dan il-proġett bħala l-cavallo di battaglia tal-politika tal-Labour dwar is-saħħa mentali.
Ma kinetx sorpriża, allura, li l-isptar mentali ġdid ikun wegħda ewlenija fil-Manifest Elettorali Laburista tal-2022. Iżda meta Fearne rriżenja u floku daħal Jo Etienne Abela, dan, unilateralment, iddeċieda li jelimina dan il-proġett u jiġi jaqa’ u jqum mill-elettorat li kien imwiegħed dan l-isptar iswed fuq l-abjad. Qarrieqa bil-provi.

Kienu jafu li qatt ma seta’ jseħħ

X’WIEGĦDU: Wara li saru l-istudji neċessarju… qed nikkommettu ruħna li din il-ħolma aspiranti ta’ bosta ssir realtà għall-benesseri ta’ kulħadd speċjalment ta’ dawk li jgħixu fl-inħawi (Manifest Parag. 290)
X’QALU: Skont il-pjanta oriġinali kellha ssir mina taħt l-art għat-traffiku iżda din tneħħiet għaliex instab li taħt Triq Sant’Anna hemm fdalijiet storiċi. (Il-Ministru Miriam Dalli, 23 ta’ Ottubru, 2024).

■ Il-proġett biex Triq Sant’Anna fil-Furjana jinbidel fi ‘ġnien’ u z-zona ssir kollha pedonali, ma kienx tal-Labour iżda ta’ kumpanija privata li pprovdiet ħafna tpinġijiet sbieħ u jlellxu mingħajr wisq riċerka. Il-Labour iggranfa mal-idea u poġġieha bħala waħda mill-wegħdiet ewlenin tiegħu.
Fil-perjodu ta’ qabel l-Elezzjoni tal-2022 kien hemm żmien biżżejjed biex isiru l-istudji – kif fil-fatt saru – u jsir magħruf jekk dan il-proġett kienx sempliċiment ‘ħolma’. Iżda l-Labour baqa’ xorta waħda jużah u jimbuttah quddiem l-elettorat u saħansitra jġib kopja tiegħu bil-kulur fil-Manifest Elettorali. Qarrieqa bil-provi.

Il-proġett tal-Mina m’għadux prijorità

X’WIEGĦDU: Hekk kif tlestew l-istudji dwar il-proġett ta’ mina bejn
Malta u Għawdex, għaddej il-proċess ta’ pre-qualification questionaire
biex il-proċess jimxi għall-fażi li jmiss fl-implimentazzjoni tiegħu (Manifest Parag. 703)
X’QALU: Il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex m’għadux prijorità ta’ fuq nett għall-Gvern (PM Robert Abela, 31 ta’ Ottubru, 2023).

■ Dan hu każ ieħor fejn il-Labour nefaq mijiet ta’ eluf biex jonfħu mal-pubbliku Malti u Għawdxi, u ħafna aktar infiq f’dak li kien isejjaħ bħala tħejjjija qabel jieħu d-deċiżjoni finali.
Safrattant, minkejja li kollox kien jindika li l-proġett kif imbuttat mil-Labour, qatt ma seta’ jkun feasible, xorta waħda poġġewh bħala wegħda ewlenija tal-Manifest b’mod speċjali mal-elettorat Għawdxi.
Ta’ min ifakkar li din il-proġett kien tnieda b’ħafna pompa mill-Prim Ministru Joseph Muscat li sa kien obbliga ruħu mal-elettorat li dan mhux se jibqa’ “fuq l-ixkaffa”… iżda “fuq l-ixkaffa” tefgħu ta’ warajh. Qarrieqa bil-provi.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Tnejn 1 ta’ Settembru, 2025.