Joseph Grech
Iċ-Chairperson
tal-Kumitat Ezekuttiv
Partit Nazzjonalista
Meta llum inħarsu lura lejn il-perjodu ta’ tmexxija ta’ Bernard Grech, ma nistgħux ma nirrikonoxxux l-istil uniku li bih huwa mexxa l-Partit Nazzjonalista f’waqtiet li kienu minn tal-aktar diffiċli għall-pajjiż u għall-Partit innifsu.
Fuq livell nazzjonali, Malta kienet għadejja minn sfidi kbar hekk kif dak iż-żmien kellna t-theddida tal-grey listing, il-falliment tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż, in-nuqqas ta’ responsabbilita politika wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u tant affarijiet oħrajn.
Anke fuq livell ta’ Partit, Bernard Grech sab Partit Nazzjonalista li kellu sfidi kbar quddiemu sabiex jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-elettorat. F’dan il-maltemp, Bernard Grech għażel triq ta’ rispett lejn l-individwu, perseveranza quddiem kull diffikultà, u determinazzjoni li jmexxi u jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista.
Minn meta ħa l-kariga, huwa bena tmexxija bbażata fuq l-għaqda. Ma kienx ifittex il-konfront; kien jaf li l-vera bidla tgħaddi minn kliem li jfejjaq, minn deċiżjonijiet li jgħaqqdu, u minn viżjoni li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kull politika.
F’ħin meta kien faċli ħafna li wieħed jaqa’ fit-tentazzjoni tal-populiżmu jew tal-polemika bla frott, huwa għażel li jibni politika fuq dak li jgħaqqadna.
Il-politika tiegħu kienet imnissla minn fehma li l-ekonomija, il-governanza u s-soċjetà ma jistgħux jitqiesu bħala entitajiet separati, iżda bħala parti minn ekosistema waħda li għandha sservi lill-persuna.
Pilastri b’saħħithom
Tkellem b’passjoni fuq il-kwalità tal-ħajja – mhux bħala slogan, iżda bħala mira konkreta. Minn edukazzjoni aħjar, għal saħħa mentali u fiżika, mill-ħarsien tal-ambjent sa infrastruttura li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum – dawn kienu l-pilastri fuqhom bena l-argumenti tiegħu.
Dak li forsi mhux kulħadd jara hu l-mod kif, minkejja l-pressjonijiet kollha, huwa dejjem żamm il-kalma u l-kuraġġ. Anke fl-eqqel ta’ kampanja elettorali u kriżijiet li kienu jirrikjedu deċiżjonijiet difficli,
Bernard Grech dejjem sab il-ħin li jsaqsik,’kif int?’ u kif hu jista’ jgħin lilek. Din il-kwalità, f’pajjiż fejn il-politika spiss tkun iebsa fuq in-nies li huma involuti fiha, kienet friska u, iva, kuraġġuża.
Meta f’Ġunju ta’ din is-sena għażel li jieħu pass lura, ma nemminx li ħa dan il-pass għax għejja, jew għax m’għadux jemmen fil-Partit Nazzjonalista, imma proprju għax jemmen li l-Partit u l-pajjiż jiġu l-ewwel. Għaraf li kultant, il-kap veru hu dak li jaf meta wasal iż-żmien li jħalli l-karru f’idejn ħaddieħor, biex il-vjaġġ ikompli b’forza ġdida. Din mhix biss responsabbiltà – hija maturità politika rari.
Illum, hekk kif il-PN jinsab f’pożizzjoni aħjar milli kien meta hu beda jmexxi, nistgħu ngħidu b’kuxjenza nadifa li dan il-progress hu frott tas-sabar tiegħu, tal-fidi tiegħu fl-ideal tal-politika nadifa, u tal-ħidma bla heda biex jerġa’ jibni fiduċja.
Bħala Chairperson tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, inħoss li mhux biss irridu nagħtu ħajr lil Bernard Grech, imma wkoll nirrikonoxxu li t-tmexxija tiegħu ħalliet marki li se jibqgħu. Il-marki ta’ Kap li mexxa b’rasu ’l fuq u b’qalbu miftuħa, u li bena fuq it-tajjeb li kien hemm, u ser iħalli l-Partit Nazzjonalista fi stat aħjar milli kien.
Illum, nitkellmu dwar futur ġdid għall-PN. Imma dan il-futur hu mibni fuq il-pedamenti li hu stess poġġa. U għal dan, għandna nkunu grati.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>