Opinjoni

OPINJONI: Politiku ta’ insistenza u determinazzjoni

Bħala Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, kelli l-privileġġ li naħdem mill-qrib ma’ Bernard Grech sa minn meta ħa t-tmexxija tal-PN u l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni

Robert Cutajar
Shadow Minister
għas-Self Employed,
l-Intrapriżi ż-Żgħar
u l-Koperattivi

Ir-riżenja tiegħu tagħlaq kapitlu li kien immarkat mhux biss minn konvinzjoni politika, imma wkoll mill-umanità kbira li biha eżerċità l-irwol tiegħu.
Il-Kap mexxa bil-qalb. Dejjem poġġa l-bniedem qabel il-politika. Il-valur kbir li jagħti lil ġid komuni, l-integrità u l-empatija kienu jidhru f’kull deċiżjoni tiegħu — imma qatt daqs fil-każ tat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia. Meta ħafna fil-poter ippruvaw jgħattu l-verità, Bernard Grech baqa’ wieqaf — bla biża’, minkejja l-insulti kontinwi mill-magna tal-Gvern.
L-insistenza u d-determinazzjoni tiegħu, flimkien mal-Grupp Parlamentari kollu tagħna, għall-inkjesta pubblika kienet att ta’ prinċipju sod u ta’ kuraġġ morali, li fl-aħħar ġiegħel lill-Gvern iċedi għat-talba tal-poplu u fuq kollox għal dak li nsistew għalih il-familja ta’ Jean Paul sa mill-bidunett.
Anke hawn l-istorja wrietna li l-Oppożizzjoni mmexxija minn Bernard Grech kienet fuq in-naħa tas-sewwa. Inqis dan l-episodju bħala l-akbar mument li bih tibqa’ mfakkra l-ħidma tiegħu hekk kif il-kariga tiegħu tiġi fi tmiemha fil-jiem li ġejjin.
Bernard Grech wera wkoll li l-għaqda fil-politika hija possibbli. Minkejja li kien ikkontesta lil Adrian Delia għall-kariga ta’ kap, huwa ħadem spalla miegħu b’rispett u b’mod kostruttiv biex flimkien irnexxielhom iġibu lura s-servizzi tas-saħħa pubbliċi f’idejn il-poplu Malti.

Nifs ġdid lill-pajjiż
Kien suċċess li reġa’ ta nifs lill-pajjiż wara ftehim korrott li kien ħataf mal-€400 miljun mis-servizzi tas-saħħa. Dan kien frott id-determinazzjoni u l-kapaċità tiegħu li jġib lin-nies flimkien għax dejjem emmen u saħaq li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa.
Bernard Grech daħal fil-politika integrità, diċenza u umanità li l-pajjiż tant għandu bżonn. Għalkemm dalwaqt ma jibqax il-kap tiegħi, jibqa’ dejjem ħabib, kollega u persuna li għandu ħafna aktar xi joffri lil Malta.
It-tmexxija tiegħu kienet servizz, mhux spettaklu; missjoni, mhux karriera. Matul dawn is-snin li kien kap, sfortunatament ġarrab it-telfa tal-ġenituri tiegħu, imma minkejja dan baqa’ jaħdem bla heda u mingħajr skossi għall-ideali tal-Parit u tal-pajjiż. B’qalbi kollha, nirringrazzja lilu u l-familja tiegħu li dejjem appoġġjawh tul din il-mixja. Insellimlu b’din it-tislima: “Kap, tul dawn l-aħħar ħames snin inti żammejtna nemmnu fil-valur ta’ tmexxija umana, politika onesta u politika ta’ servizz.
Dak li rajna fik u tgħallimna minnek ħa nkomplu nżommuh ħaj fil-politika Maltija għall-ġid komuni. Ir-rispett reċiproku li kien hemm bejnietna u l-lealtà sħiħa li kellna tul dawn is-snin ma jħassarhom ħadd u persważ li hekk se jkomplu jkunu fil-ġejjieni… Grazzi u awguri.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 1 ta’ Settembru, 2025.