Opinjoni

OPINJONI: Se jibqa’ spalla soda għall-Mexxej li jiġi warajh

Ilni naf lil Bernard minn żmien l-iskola f’San Alwiġi. Flimkien ukoll komplejna fil-ħajja professjonali tagħna bħala avukati

Adrian Delia
Shadow Minister
għas-Saħħa

Iż-żmien jgħaddi u l-ħajja laqqatna flimkien f’ħafna episodji tal-ħajjiet rispettivi tagħna.
Kif jaf kulħadd, Bernard issuċċedieni bħala Kap tal-Partit fl-2020. Qabel dan kollu, kont jien stess li għaraft il-potenzjal tiegħu bħala politiku u ħassejt li għalkemm kien barra mill-grupp parlamentari tiegħi, bil-moderazzjoni u l-mod kif jaf ipoġġi l-kliem b’galbu, kellu potenzjal kbir li seta’ jintuża tajjeb mill-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant, ħassejt li kien rappreżentant dehen fuq diversi programmi televiżivi u wkoll li jindirizza l-Kunsill Ġenerali.
Bernard kien u għadu interlokutur tajjeb ħafna, speċjalment fejn jidħlu l-interazzjonijiet personali ma’ ħafna attivisti u esponenti tal-Partit. Miegħu tħossok komdu titkellem u taħdem.
Għalkemm kien l-avversarju tiegħi fil-kampanja għat-tmexxija tal-2020, żammejna rapport tajjeb ta’ koperazzjoni u ħbiberija li wasslet għal diversi riżultati sbieħ matul il-ħames snin ta’ tmexxija tiegħu.
Mill-ewwel ġurnata tat-tmexxija tiegħu, jien serraħtlu moħħu li ma kelli l-ebda problema nikkopera miegħu u naħdem qatigħ biex il-Partit jerġa’ jsir attraenti f’għajnejn l-elettorat u jkun eliġibbli. Flimkien bdejna naħdmu biex indaħħlu l-mentalità li iva, il-Partit jista’ mhux biss isir kompetittiv imma wkoll jirbaħ.
L-ikbar mertu li nagħtih huwa dak li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit kompla jagħmel it-tiġdid li kellu bżonn. Ġew eletti membri parlamentari ġodda u żgħażagħ li bdew jagħtu wiċċ gdid lill-Partit. Kompla fuq il-ħidma tiegħi fejn jidħlu inizjattivi bħal Team Start. Sibtu t’appoġġ fit-taqtiegħa tiegħi fil-kawża Vitals u kontra l-Gvern korrott immexxi minn Robert Abela.

Ċertifikati ta’ stima
Ingħatajt ċertifikati ta’ stima mingħandu meta fdani b’portafolli importanti, l-aħħar wieħed dak tas-saħħa. Kien kapaċi jifhem u jurini kuraġġ fl-inizjattivi tiegħi f’dan il-qasam. Ħafna drabi għażilni biex nitkellem fuq ‘issues’ oħra għax emmen fil-potenzjal tiegħi bħalma għamel mal-kollegi membri parlamentari oħra kollha. Flimkien kbirna bħala politiċi, spalla ma’ spalla.
Spiss sejjaħli biex niddiskutu l-pjanijiet preżenti u futuri tal-Partit. Dejjem għamilt l-almu tiegħi biex nagħti kontribut qawwi f’dan ir-rigward. Għamilt dan f’ħafna kuntatt man-nies, b’riċerka u xogħol kemm fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll fuq issues oħra t’importanza nazzjonali.
Għamilt dak li stajt biex ngħin fil-ġbir ta’ fondi għall-Partit u kburi li f’dawn il-ħames snin, jien u t-tim tiegħi rnexxielna ngħinu lill-Partit b’donazzjonijiet li jlaħħqu mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Ma’ Bernard imxejt fuq quddiem nett fl-attivitajiet kollha li organizza l-Partit waqt it-tmexxija tiegħu.
Ir-riżenja ta’ Bernard kienet sajjetta fil-bnazzi għalija kif kienet ukoll għall-partitarji kollha. Ħadd ma stenna li jseħħ dan fi żmien daqshekk delikat għall-pajjiż u l-Partit.
Kien hawn min qal li dan kien nuqqas ta’ responsabbiltà minn naħa tiegħu. Jien ma nemminx hekk. Nemmen anzi li din kienet deċiżjoni diffiċli ħafna għalih.
Nemmen li għażel hekk għax ħass li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun kruċjali għall-futur tal-pajjiż. Għaldaqstant, fehem li l-Partit kellu jkun ippreparat għal dak li ġej mingħajr l-ebda xkiel ta’ simpatiji u antipatiji lejh personalment.
Ninsab ċert li għalkemm Bernard iddeċieda li jieħu pass lura mit-tmexxija, se jkun ta’ spalla soda għal min se jkun mexxej warajh. Nemmen b’qalbi kollha li se jkun hemm bħalma kont hemm jien għalih fl-aħħar ħames snin.

Flimkien, se nkomplu nwittu t-triq. Biex Nirbħu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.