Graham Bencini
Shadow Minister
għall-Finanzi
u President tal-Kunsill Amministrattiv
Partit Nazzjonalista
Bħala l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u Membru Parlamentari, kelli l-privileġġ naħdem mill-qrib ma’ Bernard Grech tul is-snin li kien Kap tal-Partit u Kap tal-Oppożizzjoni. Din kienet esperjenza politika u umana sinifikanti, li ħalliet marka importanti fil-vjaġġ tiegħi fil-politika.
Fl-2021, Bernard Grech stedinni biex inkun il-President il-ġdid tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista; stedina li ntlaqgħet b’ħerqa u gratitudni.
Minn kmieni stajt ninduna li kellu viżjoni ċara ta’ riforma u tiġdid fil-Partit. Il-ħidma fil-Kunsill Amministrattiv kienet imsejsa fuq għaqda u impenn komuni. Flimkien ma’ Bernard Grech u l-membri l-oħra, għaddejna sigħat twal niddiskutu, nippjanaw u nimplimentaw bidliet li jsaħħu l-partit minn ġewwa. Ħdimna biex inġeddu l-proċessi u s-sistemi tagħna, niżguraw li kull deċiżjoni tittieħed b’mod trasparenti u responsabbli. Ma kienx kollox faċli.
Iltqajna ma’ diversi sfidi u problemi interni, iżda permezz ta’ komunikazzjoni miftuħa, determinazzjoni u għaqda, irnexxielna negħlbuhom u noħorġu aktar b’saħħitna. Kull pass kien parti minn viżjoni akbar, dak li noħolqu bażi soda fuq fejn il-Partit seta’ jibni l-futur tiegħu.
Wara l-elezzjoni tal-2022, Bernard Grech ħatarni bħala Shadow Minister għall-Isport u x-Xandir Pubbliku. Din kienet l-ewwel opportunità biex nagħti kontribut dirett fil-Parlament f’qasam li kont naf sewwa, grazzi għall-ħafna snin ta’ esperjenza tiegħi fil-qasam sportiv, fosthom il-karriera tiegħi fil-futbol.
F’Jannar tal-2024, wara r-reshuffle tal-Oppożizzjoni, ġejt maħtur bħala Shadow Minister għall-Finanzi, sfida akbar iżda wkoll pass naturali fid-dawl tal-esperjenza professjonali tiegħi bħala accountant, il-kwalifiki akkademiċi tiegħi fil-qasam tal-finanzi, u s-snin twal ta’ ħidma ta’ kuljum fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Numru kbir ta’ laqgħat
Matul dan il-perjodu, kellna numru kbir ta’ laqgħat ma’ korpi kostitwiti, assoċjazzjonijiet professjonali u esperti fil-qasam ekonomiku u finanzjarju.
Dawn il-laqgħat kienu opportunità biex nisimgħu direttament il-problemi u l-proposti tagħhom, u biex niddiskutu miżuri li jistgħu jsaħħu s-settur partikolari.
Bernard Grech dejjem wera fiduċja fil-kompetenzi tat-tim tagħna u kien lest li jisma’ u jikkunsidra l-pariri tagħna. Din l-attitudni fetħet il-bieb għal proċess ibbażat fuq djalogu miftuħ u fuq il-kontribut attiv ta’ kull min kien involut.
Il-politika ma tkunx dejjem faċli. Matul is-snin kellna mumenti ta’ pressjoni, diskussjonijiet intensi, u sfidi serji kemm fil-partit kif ukoll fil-pajjiż. Madankollu, Bernard dejjem kien jippreferi t-ton ta’ rispett u l-għaqda fuq il-konfront bla bżonn. Fil-Kunsill Amministrattiv, stajt narah bħala Kap li jfittex il-kunsens u li jħeġġeġ l-ideat ġodda.
F’Ġunju 2025, meta Bernard ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit, kelli l-irwol li nippresiedi l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv biex nibdew il-proċess tal-għażla ta’ Kap ġdid. Dak il-jum kien mimli emozzjonijiet.
Bernard ingħata standing ovation u mozzjoni ta’ ringrazzjament unanima, xhieda tal-apprezzament profond li kien igawdi fil-Partit. Kien mument li wrieni kemm kien irnexxielu jibni relazzjonijiet ibbażati fuq rispett u fiduċja.
Bernard huwa persuna li dejjem jisma’, jifhem u jagħti spazju lil dawk ta’ madwaru. Kien dejjem jippreferi jimbotta ’l quddiem lill-Membri Parlamentari tiegħu, anke jekk dan kultant kien jiġi b’xi prezz għalih innifsu.
Ħafna drabi, waqt laqgħat ma’ professjonisti fil-qasam tal-finanzi, kont ngħidlu biex jagħmel referenza għal xi suġġett partikolari, iżda kien jgħidli li aħjar insemmiha jien stess għax l-interess tiegħu kien li jibni t-tim kollu u mhux lilu personali.
Bernard huwa persuna tassew altruista, u għalina din il-kwalità kienet fattur ewlieni biex inkunu nistgħu nwettqu r-rwol tagħna b’serjetà u dedikazzjoni.
Meta nħares lura lejn dawn is-snin ta’ kollaborazzjoni, inħossni grat li kelli l-opportunità naħdem ma’ Bernard Grech. Kien sieħeb ta’ fiduċja fil-vjaġġ politiku tiegħi u ħalla impatt pożittiv fil-mod kif nara u nagħmel il-politika.
Nittama li l-valuri ta’ serjetà, rispett u impenn lejn il-ġid komuni li ħadem għalihom jibqgħu parti integrali mill-futur tal-Partit Nazzjonalista.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>