Internazzjonali

Putin: Jiżvela ‘ftehim dwar il-gwerra’…iżda l-laqgħa potenzjali ma’ Zelensky għadha fl-ajru

U.S. President Donald Trump and Russia's President Vladimir Putin talk during the family photo session at the APEC Summit in Danang, Vietnam November 11, 2017. REUTERS/Jorge Silva - RC1B1EDB0E40

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li wasal għal forma ta’ ftehim mal-President Amerikan Donald Trump dwar it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna…Madankollu, hu wkoll sinifikanti li Putin ma qalx jekk għandux jaqbel dwar taħditiet għall-paċi potenzjali mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Putin żvela dan issa, jiem wara li hu kien  iltaqa’ ma’ Trump waqt is-summit ta’ Alaska.

U waqt diskors li kien qed jagħmel fiċ-Ċina, Putin kompla jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu biex jinvadi lill-Ukrajna u fejn mill-ġdid waħħal fil-Punent għall-gwerra li ilha minn Frar tal-2022.

Wara s-summit ta’ Alaska, kien irrappurtat li r-Rappreżentant Speċjali Amerikan, Steve Witkoff u Vladimir Putin kienu qablu dwar il-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna bħala parti minn ftehim potenzjali għall-paċi fil-futur. Iżda sallum għad jonqos għall-konferma uffiċjali min-naħa ta’ Moska.

Id-diskors tallum minn Putin kien qed isir fil-belt ta’ Tianjin waqt is-summit ta’  Shanghai Co-operation Organisation – u fejn hu ltaqa’ mal-President Ċiniż, Xi Jinping flimkien mal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi.

Putin, intant, irringrazzja lil Xi Jinping u lil Modi għall-isforzi tagħhom biex, skont hu, jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni tal-kriżi Ukrena.

Iżda l-President Russu ma waqafx jakkuża lill-Punent bħala ‘il-kaġun tal-gwerra’, fost ir-referenzi għall-allegati sforzi tal-Punent biex l-Ukrajna tissieħeb bis-sħiħ fl-Alleanza tan-NATO…..Xi ħaġa li r-Russja, fi kliemu, ‘ma tistax taċċetta’.