Lokali

SIGMA ssejjaħ partners Maltin biex jingħaqdu mas-Summits Globali

Nhar it-Tlieta jiftaħ b’mod uffiċjali l-avveniment SIGMA. Summit li għalih jattendu eluf ta’ Maltin u barranin, u li jiffoka fuq l-iGaming, it-teknoloġija, u anke setturi bħal marketing.

Din is-sena l-avveniment ser ikun fuq jumejn u għall-ewwel darba se jkollna żewġ avvenimenti ta’ SIGMA fi żmien sena hawn f’Malta – wieħed din il-ġimgħa u ieħor f’Marzu li ġej.

SIGMA għamlet sejħa għal partners Maltin sabiex jingħaqdu magħhom fis-Summits Internazzjonali. Dan hekk kif qed tkompli tespandi f’avvenimenti internazzjonali, iżda t-talent Malti xorta jibqa’ għal qalbhom. U jixtiequ li jkomplu juru t-talent Malti fuq pjattaformi globali.

SIGMA ġiet imwaqqfa fl-2014 f’Malta minn Eman Pulis u din il-kumpanija llum il-ġurnata kibret u saret waħda mill-akbar madwar id-dinja fil-qasam tal-gaming u t-teknoloġija.

It-Tnejn filgħodu, il-Kap Eżekuttiv Emily Micallef tkellmet mal-midja dwar dak li qed tistenna għal dawn il-jumejn li ġejjin. Micallef irrimarkat li 75% ta’ dawk li ser jattendu għal dan l-avveniment huma barranin, li ġejjin propju hawn Malta għal dan is-summit.

Intant, il-preparamenti għaddejin ġmielhom sabiex kollox ikun lest biex is-sit tal-Expo jilqa’ madwar 12,000 ruħ fil-jiem li ġejjin.

SIGMA qed tkompli tħeġġeġ lill-organizzaturi u professjonisti li huma interessati li jespandu s-servizzi tagħhom, sabiex flimkien jilħqu opportunitajiet u orizzonti ġodda. B’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet, kolaborazzjoni u anke ħbiberiji.

Tul dawn il-jumejn SIGMA ser tkompli toffri inċentivi għal kumpaniji kif ukoll għajnuna lil start ups.