Raġel ta’ 47 sena minn Raħal Ġdid, suspettat li kien qed jiffastidja b’mod ossessiv mara, kellu l-arrest tiegħu ddikjarat invalidu mill-Qorti minħabba li l-Pulizija naqset milli taqralu d-drittijiet tiegħu fil-mument tal-arrest.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, fejn l-akkużat wieġeb mhux ħati li kiser ordni ta’ protezzjoni u li kkommetta atti ta’ fastidju. Huwa kien akkużat ukoll li wettaq reat waqt is-sentenza sospiża u li hu reċediv.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kellu fissazzjoni bil-vittma u kien diġà ġie mixli b’akkużi simili fil-passat, inkluż li kiser żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni. Intqal li kien imur barra r-residenza tal-mara, jibqa’ jħares lejha u jmiss l-organi sesswali tiegħu. Fl-aħħar każ, huwa allegat li mar quddiem dar il-mara u ħa l-borża tal-iskart organiku tagħha.
Meta bdiet il-kumpilazzjoni, l-avukata tad-difiża Veronica-Anne Spiteri qajmet l-oġġezzjoni li l-arrest kien invalidu minħabba li l-akkużat, li għandu diżabilità mentali u ma jafx jaqra, ma ngħatax id-drittijiet tiegħu kif suppost.
Hija ppreżentat rapport mediku li jikkonferma li l-akkużat ma għandu l-ebda ħiliet ta’ qari jew kitba. Missier l-akkużat xehed ukoll li ibnu “ma jafx jaqra u jikteb… hu sempliċi,” u li lanqas hu u lanqas ibnu ma rċevew ittra tad-drittijiet.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Gabriel Kitcher qal li l-akkużat qatt ma informa lill-Pulizija li ma jafx jaqra. Huwa ppreżenta wkoll dokument li l-akkużat allegatament iffirma biex jikkonferma li rċieva l-ittra tad-drittijiet.
Iżda l-Qorti qalet li kien hemm dubji serji dwar jekk l-akkużat ingħatax drittijietu, u anke jekk ingħatalu, jekk kienx f’pożizzjoni li jaqrahom u jifhimhom. Fid-dawl ta’ dan, id-dubju kellu jmur favur l-akkużat, u għalhekk iddeċidiet li l-arrest ma kienx ġustifikat u rrivokat l-arrest.
Għalhekk, l-akkużat ma kellux bżonn jitlob il-ħelsien mill-arrest u ġie illiberatu wara li tressaq. Madankollu, il-Qorti xorta waħda laqgħet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti wissiet lill-akkużat b’mod ċar: “Int trid tinsa t-triq fejn toqgħod din il-mara. Ma tistax tmur hemm tħares lejn il-bieb jew tieqa tagħha. Għalik dik it-triq m’għadhiex teżisti. Jekk tikser din l-ordni tista’ tiffaċċja multa ta’ €7,000 jew sa sentejn ħabs.”
Il-Qorti ordnat ukoll li ma jkunx permess li jixxandru l-ismijiet tal-partijiet.
Il-Maġistrat Abigail Critien mexxiet is-seduta. L-Ispetturi Gabriel Kitcher u Karen Cassar mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Veronica-Anne Spiteri u Desirée Attard dehru għal-l-akkużat.
//= $special ?>