Pajjiżna jista’ jkun fuq quddiem nett tas-settur tal-iGaming, ġaladarba jsir l-investiment mistħoqq.
Kien dan li ħareġ fid-diskussjonijiet li saru matul il-jum tat-Tlieta waqt il-konferenza SIGMA. Konferenza li titratta l-iGaming u li qed issir f’pajjiżna – bis-sehem tas-Shadow Ministers Ryan Callus u Jerome Caruana Cilia.
Minn naħa tiegħu, Ryan Callus ipparteċipa f’diskussjoni dwar l-innovazzjoni u s-suċċess fix-xena diġitali Maltija. Fejn spjega li s-settur tal-gaming huwa settur li jirrikjedi ħafna enerġija elettrika. U għalhekk pajjiżna għandu jadotta sistema sabiex is-settur tal-iGaming ikun wieħed sostenibbli anke b’mod ambjentali. Dan permezz ta’ ċentri tad-data aktar effiċjenti u bl-użu ta’ intelliġenza artifiċjali.

Ryan Callus spjega wkoll li ċ-ċokon ta’ pajjiżna għandu jkun ta’ vantaġġ, sabiex jiġu introdotti proġetti pilota fejn anke spjega li Malta tista’ tkun fuq quddiem nett ta’ dan is-settur. Huwa appella, sabiex jibqa’ jikber dan is-settur, il-Gvern għandu jħares lejn tliet pilastri; l-aċċessibbiltà għat-talent permezz ta’ tisħiħ tas-settur edukattiv ta’ pajjiżna, settur regolatorju b’saħħtu u anke l-aċċessibbiltà għal fondi kapitali lokali u anke internazzjonali.
Huwa wkoll ippreżenta l-proposta, li sabiex pajjiżna jattira aktar professjonisti tekniċi barranin – sabiex jaħdmu u anke jgħallmu hawn Malta, għandha ssir VISA speċifika li tintuża biss minn dawk il-professjonisti li għandhom esperjenza li f’Malta ma nsibux. Huwa ppropna wkoll, li jiġu stabbiliti ġranet ta’ skadenza għall-fażijiet regolatorji, sabiex il-proċess ikun wieħed effiċjenti.
Jerome Caruana Cilia, kellu sehem f’diskussjoni rigward l-innovazzjoni, il-policy u l-gaming bħala parti minn Viżjoni 2050. Huwa spjega li l-ħiliet huma ċ-ċentru tas-settur tal-gaming, u huwa propju għalhekk li dan is-settur għandu jiġi introdott anke fl-iskejjel; bħal edukazzjoni dwar game design.

Minn naħa tiegħu, huwa appella sabiex il-bidla fis-settur edukattiv, issir f’kull livell; minn dak primarju sa Universitarju. Fejn spjega li l-korsijiet, sabiex wieħed jidħol fil-gaming għandhom anke jsiru għal dawk li diġa qegħdin f’xi settur relatat bħall-ICT u li jixtieq jagħmel tranżizzjoni għas-settur tal-iGaming.
Sabiex isir dan, huwa spjega li għandu jiġi attirat anke talent minn barra minn xtutna. Huwa anke appella sabiex tibqa’ tittieħed bi-partisan approach fil-parlament sabiex dan is-settur jibqa’ dejjem miexi ‘l quddiem.
Il-konferenza SIGMA qed issir fuq skala iżgħar din is-sena, hekk kif kien iddikjarat mis-SIGMA stess, li terġa’ ssir fuq l-ikbar skala f’pajjiżna meta l-Gvern jippjana infrastruttura aħkar għaliha f’pajjiżna.
Din il-konferenza, issir bil-għan li jiġi diskuss is-settur tal-iGaming, u l-innovazzjoni, flimkien mal-qasam regolatorju li jinvolvi das-settur.
